Il-GWU tisħaq fuq drittijiet ugwali, responsabbiltajiet u integrazzjoni għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi

6 Nov 2026 - Aħbarijiet | Ekonomija | Home | Kummerċ | Politika | Teknoloġija

Il-GWU tisħaq fuq drittijiet ugwali, responsabbiltajiet u integrazzjoni għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, saħaq li kull ħaddiem għandu jkun trattat b’dinjità, ġustizzja u rispett, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon jew l-oriġini tiegħu.

Waqt il-konferenza organizzata mill-GWU bit-tema “Staying in Malta… Endorse Your Rights and Duties”, Camilleri rrikonoxxa l-kontribut essenzjali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) għall-ekonomija Maltija, partikolarment f’setturi bħas-saħħa, l-ospitalità, il-kostruzzjoni, il-manifattura u t-trasport.

Huwa enfasizza li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet għandhom jimxu id f’id, filwaqt li sostna li l-ħaddiema barranin għandhom igawdu l-istess protezzjoni, kundizzjonijiet ġusti u opportunitajiet bħall-ħaddiema Maltin u Ewropej. Fl-istess waqt, dawk li jagħżlu li jgħixu u jaħdmu f’Malta għandhom jirrispettaw il-liġijiet, il-kultura u l-komunitajiet tal-pajjiż.

Camilleri esprima wkoll it-tħassib tal-GWU dwar każijiet ta’ sfruttament, fosthom ħlasijiet inġusti, sigħat eċċessivi ta’ xogħol, tnaqqis illegali mill-pagi u kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni mhux adegwati. Huwa sostna li dawn il-prattiki mhux biss jagħmlu ħsara lill-ħaddiema milquta, iżda jdgħajfu wkoll l-istandards tax-xogħol u joħolqu kompetizzjoni inġusta.

B’referenza għall-Budget 2027, Camilleri tenna l-ħtieġa ta’ politika aktar sostenibbli dwar il-migrazzjoni tax-xogħol, b’investiment akbar fit-taħriġ, il-ħiliet, il-produttività u regolamentazzjoni aktar effettiva tar-reklutaġġ tal-ħaddiema barranin.

Huwa enfasizza li t-tkabbir ekonomiku għandu jkun akkumpanjat minn kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, integrazzjoni effettiva u infurzar aktar b’saħħtu kontra kull forma ta’ abbuż.

“Għall-GWU, ħaddiem jibqa’ ħaddiem, irrispettivament minn fejn ġej. Irridu suq tax-xogħol li jħares id-dinjità tal-bniedem, jippromwovi l-integrazzjoni u joħloq opportunitajiet ġusti għal kulħadd,” kien il-messaġġ ewlieni ta’ Camilleri.

Huwa temm billi tenna l-impenn tal-GWU li tibqa’ tkun il-vuċi tal-ħaddiema kollha, Maltin u barranin, filwaqt li tkompli taħdem favur aktar solidarjetà, inklużjoni u ġustizzja soċjali.

Id-drittijiet u d-dmirijiet għandhom jimxu id f’id – Kevin Abela

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Abela, saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) jingħataw ir-rispett, il-protezzjoni u l-opportunitajiet li jixirqilhom, filwaqt li jkunu konxji wkoll mir-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-pajjiż li fih jgħixu u jaħdmu.

Huwa rrikonoxxa l-kontribut importanti ta’ dawn il-ħaddiema fl-ekonomija Maltija, partikolarment f’setturi bħas-saħħa, il-kura tal-anzjani, l-ospitalità, il-kostruzzjoni u t-trasport.

B’referenza għall-Budget 2027, Abela sostna li l-GWU esprimiet it-tħassib tagħha dwar miżuri li jistgħu jpoġġu piżijiet addizzjonali fuq il-ħaddiema barranin, filwaqt li enfasizza li kull ħaddiem għandu jiġi ttrattat b’dinjità u ġustizzja, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu.

Huwa tenna li l-integrazzjoni hija proċess li jitlob impenn miż-żewġ naħat, fejn ir-rispett lejn il-liġijiet, il-kultura u l-komunità Maltija għandu jimxi id f’id mal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema.

“Aħna ma nemmnux fil-firda bejn il-ħaddiema skont in-nazzjonalità tagħhom, iżda fis-solidarjetà, fir-rispett reċiproku u fit-trattament ugwali għal kulħadd.”

Il-GWU se tibqa’ impenjata li tkun il-vuċi tal-ħaddiema kollha, Maltin u barranin, u taħdem favur soċjetà aktar ġusta u inklużiva.

“Il-GWU qiegħda hemm biex tgħin” – is-Segretarju Brian Bonnici

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u l-Ikel fi ħdan il-GWU Brian Bonnici tenna l-impenn tal-unjin li tkompli tirrappreżenta u tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha f’Malta, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon jew il-lingwa tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Bonnici saħaq fuq l-importanza tal-għaqda, ir-rispett u t-tolleranza filwaqt li l-GWU hi kontra r-razziżmu, l-abbużi u kull forma ta’ diskriminazzjoni. Qal li l-għan ta’ din il-konferenza hi li tipprovdi liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b’informazzjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom f’Malta. “Il-GWU qiegħda hemm biex tgħin. Ejja nkomplu naħdmu flimkien,” qal Bonnici.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta, Rachita Bhandari, saħqet li prijorità ewlenija tagħha hi dik li tirrappreżenta u tiddefendi d-drittijiet tal-komunità Indjana f’pajjiżna.

Hija rringrazzjat lill-GWU għall-kollaborazzjoni u għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment, filwaqt li enfasizzat l-importanza tad-djalogu bejn l-entitajiet differenti.

L-Eċċellenza Tagħha sostniet li l-ħaddiema Indjani għandhom kontribut sinifikanti fl-ekonomija Maltija, li qed tikber b’rata ta’ 4%, u f’diversi setturi bħas-saħħa, il-kura tal-anzjani, it-trasport pubbliku u t-turiżmu fost oħrajn. Temmet billi esprimiet il-kburija tagħha bil-komunità Indjana u x-xogħol li dawn il-ħaddiema jagħmlu f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant tat-TCNs fi ħdan il-GWU, Manav Sanger, qal li wara kull ċittadin ta’ pajjiż terz hemm storja. Storja ta’ persuni li jkunu telqu minn pajjiżhom bit-tama li jsibu futur aħjar.

Saħaq li kull ħaddiem, irrispettivament minn fejn ġej, jistħoqqlu rispett u dinjità, u għandu d-dritt li jaħdem f’ambjent sigur. Appella lil dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni jew problemi fuq il-post tax-xogħol biex ma jibqgħux siekta u jfittxu l-għajnuna tal-awtoritajiet.

Sanger enfasizza wkoll li d-dewmien fl-applikazzjonijiet jista’ jkun stressanti għal dawn il-persuni. Waqt li ħeġġeġ liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jissottomettu d-dokumenti fil-ħin, appella lill-awtoritajiet ikomplu jiggwidaw u jappoġġjaw lill-applikanti fid-diffikultajiet tagħhom.

Diversi mistiedna minn oqsma differenti taw il-kontribut tagħhom billi ppreżentaw informazzjoni meħtieġa lil dawk kollha li attendew, iddiskutew kif ukoll wieġbu mistoqsijiet diversi.

Fost il-mistednin kien hemm rappreżentanti mid-DIER – Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, mill-Prevenzjoni tal-Kriminalità u Pulizija fil-Komunità – Korp tal-Pulizija ta’ Malta, mill-Jobsplus, minn Identità, mill-Awtorità tad-Djar u mis-Servizzi kontra t-Traffikar tal-Bnedmin – Aġenzija Appoġġ.

« Back