
Riżultati tal-proġett Ewropew FairForward ippreżentati fi Krakovja, il-Polonja
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza, it-trattament ugwali u t-tisħiħ tar-rappreżentanza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol kienu fil-qofol ta’ attività organizzata mill-General Workers’ Union (GWU) fi Krakovja, il-Polonja, fil-qafas tal-proġett Ewropew FairForward.
L-attività laqqgħet flimkien l-imsieħba differenti involuti fil-proġett, li kellhom l-opportunità jiddiskutu s-sejbiet tar-riċerka dwar l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll il-mezzi li permezz tagħhom tista’ tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema, filwaqt li jiġi żgurat li kull ħaddiem ikollu vuċi.
Matul l-attività ġew ippreżentati u diskussi r-riżultati miksuba matul il-proġett, fosthom stħarriġ, programmi ta’ taħriġ u manwali prattiċi maħsuba biex jappoġġjaw il-ħidma tat-trejdjunjins, isaħħu n-negozjar kollettiv u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jippromwovu t-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol.
Il-proġett kien immexxi minn Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u Kap tal-Proġetti u r-Riċerka fi ħdan il-GWU, filwaqt li Dr Marygrace Vella kienet l-esperta Maltija responsabbli mit-twettiq tar-riċerka f’Malta.
Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-proġett, il-GWU tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha favur il-promozzjoni tad-djalogu soċjali, l-inklużjoni, l-opportunitajiet indaqs u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-GWU temmen li t-tisħiħ tar-rappreżentanza kollettiva u l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema huma elementi essenzjali għall-ħolqien ta’ ambjenti tax-xogħol aktar ġusti u inklużivi, fejn kull ħaddiem ikun rispettat, rappreżentat u mismugħ.
It-trażmissjoni tal-attività tista’ tiġi segwita permezz ta’ din il-ħolqa:













