
Il-General Workers’ Union temmen li waħda mill-akbar sfidi hi li l-ħaddiema jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dan jgħodd mhux biss għall-ħaddiema, iżda wkoll għal min iħaddem. Din hija bidla li trid issir u m’għandhiex titqies bħala theddida imma aktar bħala opportunità.
Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri meta ħa sehem f’panel ta’ diskussjoni dwar it-tħejjija għal ħiliet ġodda fl-era tal-Intelliġenza Artifiċjali, waqt l-SME National Forum 2026, organizzat mill-Malta Employers.
Dan il-forum laqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ min iħaddem, entitajiet pubbliċi kif ukoll trejdunjins fost oħrajn, bil-għan li jiġu mfittxija metodi li jgħinu lin-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) jgħaddu mill-għarfien dwar l-AI għall-implimentazzjoni effettiva tagħha.
Is-Sur Camilleri esprima l-fehma tiegħu li t-taħriġ fil-ħiliet ġodda mhux se jkun xi ħaġa faċli, speċjalment fejn ikun hemm ħaddiema li jkun ilhom jagħmlu l-istess xogħol għal ħafna snin. B’danakollu, huwa esprima l-fiduċja li b’ħidma adattata dan l-ostaklu jiġi megħlub.
Sadanittant, f’diskors li għamel fil-ftuħ tal-forum, il-President ta’ Malta Employers Ivan Refalo, laqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ li qed jingħata fil-Budget għall-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni u awtomazzjoni, permezz tal-inċentivi offruti minn Malta Enterprise fost oħrajn.
Huwa esprima t-tama li dawn il-miżuri jiġu implimentati mingħajr dewmien, hekk kif iddeskrivihom bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. Madanakollu, huwa saħaq li l-inċentivi waħedhom mhumiex biżżejjed, iżda jridu jkunu akkumpanjati mill-ħiliet meħtieġa, mill-ambizzjoni u minn pjan konkret.
Refalo qal ukoll li Malta Employers hi lesta li tikkontribwixxi fit-tfassil u fit-twettiq ta’ dan il-pjan, filwaqt li tkompli tkejjel il-progress, tlaqqa’ lill-partijiet ikkonċernati u fuq kollox tisma’ dak li għandhom xi jgħidu. Temm jisħaq li l-futur tax-xogħol mhuwiex xi ħaġa li sempliċement tiġri lilna, iżda xi ħaġa li aħna stess nagħżlu kif insawru.
F’messaġġ irrekordjat, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri tkellem dwar l-importanza li l-ħaddiema u n-negozji jkunu ppreparati għall-bidliet li qed iġġib magħha l-AI.
Huwa nnota li f’Malta diġà hemm interess qawwi fit-tagħlim u fl-użu tal-AI. Fil-fatt, permezz tal-inizjattiva AI4ALL, madwar 50,000 persuna applikaw biex jipparteċipaw fit-taħriġ, filwaqt li madwar 32,000 persuna diġà temmew il-kors.
Il-Ministru Schembri qal li dawn huma persuni li qegħdin jitgħallmu kif jużaw l-AI b’aktar kunfidenza, u anke kif jużaw din l-għodda b’mod sigur fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan huwa importanti wkoll għal min iħaddem, hekk kif il-ħaddiema jkunu aktar imħejjija biex jużaw għodod teknoloġiċi ġodda.
Huwa rrefera wkoll għall-Budget 2027 u għall-appoġġ li qed jingħata lill-investiment fil-ħiliet tan-nies u lill-intrapriżi biex ikunu jistgħu jinvestu fl-Intelliġenza Artifiċjali.
F’dan il-forum tkellmu wkoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott u l-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat fost oħrajn.
Fl-istess waqt, id-Direttur Ġenerali ta’ Malta Employers Kevin J. Borg għamel preżentazzjoni dwar ir-riżultati ta’ studju li sar fost il-membri tal-organizzazzjoni, li ffoka fuq l-għarfien u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fost in-Negozji Żgħar u Medji (SMEs).
Borg spjega li 55.6% ta’ dawk li wieġbu kienu diġà qed jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali b’mod regolari, filwaqt li 21.4% oħra kienu qed jittestjaw jew jesperimentaw bl-użu tagħha.
Ir-riżultati juru li n-negozji qed iqisu l-AI primarjament bħala mezz biex itejbu l-mod kif joperaw. Madwar 76% identifikaw l-effiċjenza u l-produttività bħala l-motivazzjoni ewlenija għall-użu ta’ din it-teknoloġija.
Fost l-organizzazzjonijiet li diġà qed jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali, 72% irrappurtaw titjib fl-effiċjenza jew iffrankar ta’ ħin, filwaqt li 40% semmew analiżi u teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar u 20% irrappurtaw tnaqqis fl-ispejjeż.












