Segretarju Ġenerali Ġdid għall-General Workers’ Union

18 May 2026 - Aħbarijiet | Dinja u Kronika | Ekonomija | Home | Kummerċ | Politika | Teknoloġija

Segretarju Ġenerali Ġdid għall-General Workers’ Union

Id-delegati tal-General Workers’ Union illum approvaw il-ħatra tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tagħha, id-Deputat Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Internazzjonali waqt Kungress Straordinarju organizzat fil-Workers’ Memorial Building.

Waqt il-Kungress Straordinarju tal-General Workers’ Union, Kevin Camilleri indirizza lid-delegati u lill-uffiċjali tal-union għall-ewwel darba bħala Segretarju Ġenerali, fejn ippreżenta viżjoni mibnija fuq sostenibbiltà, preżenza aktar qrib il-membri u investiment kontinwu fit-taħriġ u l-iżvilupp.

Fid-diskors tiegħu, Camilleri sellem il-ħidma u l-legat tal-eks Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, li ddeskrivieh bħala ħabib, mentor u persuna li emmnet fih sa mill-ewwel passi tiegħu bħala shop steward. Huwa sostna li l-GWU taħt it-tmexxija ta’ Bugeja kisbet riżultati importanti favur il-ħaddiema, fosthom il-liġi tal-pjattaformi, aktar drittijiet għall-familji u l-prinċipju ta’ “Ħlas Ugwali għal Valur ta’ Xogħol Ugwali”.

Kevin Camilleri qal li qed jilqa’ din ir-responsabbiltà b’umiltà, serenità u determinazzjoni, filwaqt li enfasizza li l-futur tal-GWU għandu jinbena b’ħidma kollettiva flimkien mal-Amministrazzjoni Ċentrali, is-Segretarji tat-Taqsimiet u r-rappreżentanti kollha tal-union.

Matul l-indirizz tiegħu, Camilleri spjega kif id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’pass mgħaġġel minħabba d-diġitalizzazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija, u sostna li l-GWU trid tkun forza li tmexxi dawn il-bidliet u mhux sempliċement tosservahom.

Huwa spjega li l-viżjoni tiegħu hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin:

L-ewwel pilastru huwa s-sostenibbiltà, b’enfasi fuq il-ħolqien ta’ mudell ekonomiku aktar b’saħħtu u diversifikat għall-union, investiment f’servizzi u inizjattivi ġodda, kif ukoll aktar parteċipazzjoni fid-dibattiti nazzjonali u Ewropej dwar xogħol deċenti u tranżizzjoni ġusta.

F’dan il-kuntest, ħabbar ukoll il-pjan biex jitwaqqaf uffiċċju dedikat għall-proġetti Ewropej u lokali, li se jservi bħala ċentru ta’ riċerka, strateġija u analiżi dwar ir-realtajiet tal-ħaddiema.

It-tieni pilastru huwa l-preżenza aktar qrib il-membri. Camilleri qal li l-GWU trid tkun union moderna u aċċessibbli, li tilħaq lill-membri tagħha fejn jinsabu. Għalhekk tħabbar l-iżvilupp ta’ mobile app għall-membri tal-GWU, li permezz tagħha l-union tkun tista’ twassal informazzjoni u komunikazzjoni diretta b’mod aktar effiċjenti. Huwa ħabbar ukoll il-modernizzazzjoni tal-Union Press sabiex il-kontenut tal-union jilħaq aktar nies u ġenerazzjonijiet ġodda.

It-tielet pilastru huwa t-taħriġ u l-iżvilupp. Kevin Camilleri enfasizza l-importanza ta’ taħriġ kontinwu fil-ħiliet diġitali, l-ekonomija ħadra u kompetenzi ġodda li qed jitlob is-suq tax-xogħol. Huwa sostna wkoll il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu r-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz ta’ taħriġ aktar speċjalizzat fin-negozjati u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.

Fid-diskors tiegħu, Camilleri ħabbar ukoll li se tinbeda diskussjoni dwar il-ħolqien ta’ Taqsima ġdida ddedikata għas-saħħa, sabiex il-GWU tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’dan is-settur kruċjali.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, Kevin Camilleri rringrazzja lill-familja tiegħu, lill-uffiċjali, lis-Segretarji, lid-delegati u lill-membri kollha tal-General Workers’Union għall-appoġġ tagħhom, filwaqt li tenna l-impenn tiegħu biex flimkien jibnu union aktar b’saħħitha, moderna u ppreparata għall-isfidi tal-futur.

Josef Bugeja jagħlaq il-kapitlu tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union

Josef Bugeja indirizza lid-delegati, uffiċjali u ħaddiema għall-aħħar darba bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU, fi tmiem vjaġġ ta’ 26 sena ta’ ħidma fi ħdan il-moviment tal-ħaddiema.

F’diskors mimli emozzjoni, Bugeja rrifletta fuq il-mixja tiegħu li bdiet bħala shop steward fuq il-post tax-xogħol u li eventwalment wasslitu biex imexxi l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’Malta. Huwa sostna li dejjem ta kull nifs tiegħu għall-ħaddiem, b’serjetà, integrità u lealtà assoluta lejn il-General Workers’ Union.

Matul id-diskors tiegħu, Josef Bugeja fakkar fil-ħidma li saret matul dawn is-snin biex jissaħħu s-sezzjonijiet u r-rappreżentanza tal-ħaddiema, l-investiment fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, kif ukoll il-ħidma favur kundizzjonijiet aħjar, ġustizzja soċjali u aktar drittijiet għall-ħaddiema.

Huwa semma wkoll żewġ mumenti li baqgħu mnaqqxin matul it-tmexxija tiegħu — il-pandemija tal-COVID-19 u l-ġlieda għall-Workers’ Memorial Building. Bugeja sostna li f’dawk il-mumenti diffiċli, il-GWU baqgħet fuq quddiem nett biex tipproteġi lill-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom.

Josef Bugeja enfasizza li l-GWU dejjem poġġiet lill-ħaddiem l-ewwel u qabel kollox, filwaqt li sostna li l-kredibbiltà tal-union inbniet fuq konsistenza, prinċipji u kuraġġ.

Huwa rringrazzja lill-uffiċjali kollha, lill-ħaddiema u lil dawk kollha li ħadmu miegħu tul is-snin, kif ukoll lill-familja tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Fl-istess diskors, Bugeja feraħ lil Kevin Camilleri għall-ħatra tiegħu bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-General Workers’ Union, u esprima fiduċja sħiħa fil-futur tal-union u fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-uffiċjali tagħha.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, Josef Bugeja sostna li jibqa’ kburi li mexxa l-General Workers’ Union u tenna li l-imħabba tiegħu lejn il-ħaddiem, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà se jibqgħu miegħu dejjem.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU jtenni impenn għal union moderna, magħquda u preparata għall-futur

Fl-indirizz tiegħu d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela ffoka fuq il-kontinwità, it-tiġdid u l-ħidma kollettiva favur il-ħaddiema.

Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, huwa fakkar fil-kliem tal-eks Segretarju Ġenerali Jack Calamatta li kien sostna li union trid tkun kuraġġuża biżżejjed biex timmodernizza filwaqt li tibqa’ leali lejn il-valuri tagħha. Huwa qal li dan il-prinċipju għadu relevanti sal-lum, hekk kif id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’pass mgħaġġel.

Huwa ddeskriva l-Kungress Straordinarju bħala mument storiku ta’ tranżizzjoni serja u matura għall-GWU, filwaqt li sostna li s-servizz lejn il-ħaddiem huwa mhux biss unur iżda wkoll responsabbiltà kbira lejn kull membru li jafda lill-union biex tiddefendi d-drittijiet u l-għajxien tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, huwa sellem il-ħidma tal-eks Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, li ddeskrivieh bħala mexxej ta’ integrità, umiltà u djalogu. Huwa rringrazzjah b’mod partikolari għall-ħidma tiegħu biex il-Workers’ Memorial Building tibqa’ assigurata għall-ġenerazzjonijiet futuri bħala d-Dar tal-Ħaddiema.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali esprima wkoll il-fiduċja tiegħu fit-tmexxija l-ġdida ta’ Kevin Camilleri bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU. Huwa sostna li Camilleri għandu l-viżjoni, l-esperjenza u d-determinazzjoni meħtieġa biex imexxi lill-union fi żmien ta’ sfidi ġodda relatati mad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, ix-xogħol remot u l-ekonomija moderna.

Huwa wiegħed li bħala Deputat Segretarju Ġenerali se jkun ta’ sostenn kontinwu għat-tmexxija l-ġdida flimkien mal-President, is-Segretarji, l-Assistenti Segretarji u l-istaff kollu tal-union, sabiex il-GWU tibqa’ taħdem bħala tim magħqud favur il-ħaddiema kollha.

Matul l-indirizz tiegħu, huwa spjega wkoll il-viżjoni tiegħu għall-futur tal-GWU, mibnija fuq tliet pilastri ewlenin.

L-ewwel pilastru huwa l-modernizzazzjoni diġitali tal-union, sabiex il-GWU tibqa’ qrib il-membri tagħha permezz ta’ pjattaformi u servizzi moderni u aċċessibbli.

It-tieni pilastru huwa t-taħriġ u l-iżvilupp kontinwu tar-rappreżentanti u l-ħaddiema, b’enfasi fuq taħriġ fid-dritt tax-xogħol, fin-negozjar, fis-saħħa u s-sigurtà u fl-isfidi ġodda tas-suq tax-xogħol.

It-tielet pilastru huwa t-tkabbir u l-progress tal-organizzazzjoni, inkluż aktar preżenza f’setturi ġodda u tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ unions u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tenna l-impenn tiegħu lejn il-ħidma, l-onestà u l-lealtà lejn il-membri tal-GWU u lejn il-valuri fundamentali tal-union.

Il-President tal-GWU jisħaq impenn għal kontinwità u tiġdid fl-union

Il-President tal-GWU Jason Deguara ddeskriva l-ġurnata bħala waħda storika u emozzjonanti għall-union, hekk kif tagħlaq fażi importanti taħt it-tmexxija ta’ Josef Bugeja u jibda kapitlu ġdid immexxi minn Kevin Camilleri bħala Segretarju Ġenerali.

Fid-diskors tiegħu, Deguara sellem il-ħidma ta’ Josef Bugeja u ddeskrivieh bħala vuċi qawwija favur il-ġustizzja soċjali u l-ħaddiema. Huwa sostna li fost l-akbar kisbiet tat-tmexxija tiegħu kien hemm il-prinċipju ta’ “Equal Pay for Work of Equal Value” kif ukoll il-ġlieda biex il-Workers’ Memorial Building tibqa’ proprjetà tal-GWU.

Il-President tal-GWU qal li jinsab fiduċjuż li taħt it-tmexxija ta’ Kevin Camilleri, il-General Workers’ Union se tkompli tibni fuq il-pedamenti sodi li ġew stabbiliti matul is-snin, filwaqt li tenna l-appoġġ sħiħ tal-amministrazzjoni, tas-Segretarji tat-Taqsimiet u tal-istaff kollu.

Deguara enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-union tkompli tħaddan it-teknoloġija u l-bidliet fid-dinja tax-xogħol sabiex tibqa’ relevanti u qrib il-ħaddiema.

Fl-istess indirizz, huwa laqa’ wkoll lil Kevin Abela bħala Deputat Segretarju Ġenerali u lil Robert Micallef bħala Segretarju Internazzjonali, fejn sostna li t-tmexxija l-ġdida għandha l-enerġija, il-kompetenza u l-viżjoni biex tkompli ssaħħaħ lill-GWU kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, Jason Deguara rringrazzja lill-membri u lill-ħaddiema kollha tal-GWU għall-għaqda u l-fiduċja tagħhom, filwaqt li tenna li “Flimkien ’il quddiem u l-ħidma tkompli.”

Robert Micallef jwiegħed li jkompli jsaħħaħ il-preżenza u l-ħidma internazzjonali tal-GWU

Robert Micallef indirizza lid-delegati u lill-uffiċjali tal-union għall-ewwel darba bħala Segretarju Internazzjonali, fejn tenna l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ il-preżenza u l-ħidma internazzjonali tal-GWU favur il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Fid-diskors tiegħu huwa sostna li l-General Workers’ Union għandha storja kbira ta’ kisbiet soċjali u ekonomiċi li biddlu l-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-ħidma internazzjonali tal-union matul is-snin.

Is-Segretarju Robert Micallef spjega kif il-GWU kienet protagonista fil-moviment internazzjonali tat-trade unions sa mill-ewwel snin tagħha, inkluż bħala membru fundatur tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions Ħielsa, illum magħrufa bħala l-ITUC. Huwa fakkar ukoll fil-kontribut storiku tal-union fil-livell Ewropew u internazzjonali, kif ukoll fir-relazzjonijiet b’saħħithom li l-GWU dejjem bniet ma’ trade unions u organizzazzjonijiet barranin.

Huwa sostna li f’dinja dejjem aktar globalizzata u affettwata minn kriżijiet internazzjonali, gwerer u sfidi ekonomiċi, il-ħidma internazzjonali tal-union qed issir aktar importanti minn qatt qabel. F’dan il-kuntest, Micallef tenna l-impenn tiegħu favur il-paċi, il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tal-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin fil-livell Ewropew u internazzjonali.

Bħala Segretarju Internazzjonali se jkun qed jirrappreżenta lill-ħaddiema fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fejn sostna li se jaħdem biex il-GWU tkompli tkun vuċi b’saħħitha fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet, partikolarment fuq kwistjonijiet li jolqtu x-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Huwa semma wkoll il-ħidma u l-parteċipazzjoni tal-GWU fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin bħall-ETUC, l-ILO u l-Kunsill tat-Trade Unions tal-Commonwealth, kif ukoll il-ħidma tat-taqsimiet differenti tal-union fil-konfederazzjonijiet Ewropej u dinjin relatati mas-setturi tagħhom.

Matul l-indirizz tiegħu, Micallef għamel referenza wkoll mal-istorja tal-Workers’ Memorial Building u r-rabtiet internazzjonali li għenu biex jinbena dan il-bini storiku, li ddeskrivieh bħala simbolu importanti tal-moviment tal-ħaddiema f’Malta.

Fl-istess diskors irringrazzja lis-Segretarju Ġenerali uxxenti Josef Bugeja għall-ħidma tiegħu favur il-ħaddiema u l-modernizzazzjoni tal-union, filwaqt li awgura kull suċċess lil Kevin Camilleri bħala Segretarju Ġenerali u lil Kevin Abela bħala Deputat Segretarju Ġenerali.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, Robert Micallef tenna li se jkompli jaħdem flimkien mat-tmexxija l-ġdida tal-GWU biex jirrappreżenta lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin b’dinjità, serjetà u impenn fil-fora internazzjonali kollha.

« Back