Wara li l-ekonomija globali kienet qed turi sinjali ta’ rkupru mill-pandemija, faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, li tefgħet ħafna pajjiżi f’taqlib ekonomiku u soċjali kbir. Xi pajjiżi fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel għadhom sal-lum jiffaċċjaw il-ġuħ u bħala riżultat, l-inkwiet soċjali qed jiżdied.
Fl-Ewropa s-sitwazzjoni hija kemxejn differenti, madankollu, biż-żieda kontinwa fil-prezzijiet u bl-inflazzjoni tikber, aktar tradeunions qed jirrikorru għall-azzjonijiet industrijali biex jipproteġu l-livell tal-għajxien tal-membri tagħhom.
Xi gvernijiet fl-Ewropa ħadu miżuri biex jipproteġu l-familji u lil dawk l-aktar vulnerabbli, iżda oħrajn għamlu ftit li xejn jew kważi xejn. Ironikament il-kumpanija ġganteska tal-enerġija BP fir-Renju Unit, irrapportat l-akbar profitt trimestrali tagħha (ta’ $8.45 biljun) għal dawn l-aħħar 14-il sena wara li l-prezzijiet taż-żejt u tal-gass għolew aktar mit-triplu tal-ammont fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Kumpaniji oħra li jipproduċu l-enerġija wkoll qed jagħmlu profitti rekord għad-detriment tal-konsumaturi u tan-negozji. Sfortunatament, il-gvern tar-Renju Unit ftit li xejn qed jagħmel biex jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli tant li fl-istampa ġie rappurtat li hemm żieda kostanti ta’ nies li jagħmlu użu mill-‘food banks’ biex jitrejqu.
F’Lulju li għadda, Malta u Franza rreġistraw l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-UE b’6.8%, segwiti mill-Finlandja bi 8%. L-ogħla rati annwali fl-UE ġew irreġistrati fl-Estonja bi 23.2%, il-Latvja b’21.3% u l-Litwanja 20.9%.
Il-fatti juru li l-politika tal-gvern Malti li jissussidja t-tariffi tal-enerġija, tal-gass u fuels mill-pompa qed tħalli l-frott għax filwaqt li qed tipproteġi l-familji u l-pensjonanti qed tiżgura wkoll li n-negozji jibqgħu kompetittivi.
Fil-fatt, l-ekonomija għadha qed tikber u l-indikaturi ekonomiċi qed juru li ħafna setturi, inkluż it-turiżmu, sejrin tajjeb ħafna tant li d-domanda għax-xogħol għadha qed tiżdied.
Ċertament, meta mqabbla ma’ xi pajjiżi oħra tal-UE, Malta sejra tajjeb ħafna b’rata annwali ta’ tkabbir reali tal-PGD ta’ 4.9% fl-2022, li hija ogħla minn dik ipproġettata fir-rebbiegħa. Ma’ dan hemm ukoll ir-rata ta’ qgħad storikament baxxa u wkoll l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-UE.
Għalhekk, dak li qed jitolbu l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem biex il-COLA ma tingħatax sħiħa, (li bħalissa hija stmata li se tkun madwar 10 Euro fil-ġimgħa), lil xi setturi ta’ impjegati ma tagħmilx sens. Kieku pajjiżna kien qed jesperjenza riċessjoni u l-impjiegi kienu f’riskju, is-sitwazzjoni kienet tkun differenti ferm.
Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-mekkaniżmu COLA qiegħed hemm biex jipproteġi s-saħħa tax-xiri mill-konsumatur waqt sitwazzjoni ta’ inflazzjoni u bl-ebda mod ma hu relatat mal-produttività jew mal-prestazzjoni ta’ intrapriża.
Żidiet bħal dawn jiġu nnegozjati permezz ta’ Ftehim Kollettiv jew Kuntratt Individwali fil-livell ta’ intrapriża mhux fil-livell nazzjonali. Dan huwa propju l-lok fejn dawn iż-żidiet fil-produttività jiġu negozjati billi kumpanija tista’ tkun sejra tajjeb ħafna filwaqt li oħra jista’ jkollha problemi.
Barra minn hekk, iż-żieda mhijiex waħda perċentwali fuq is-salarju (simili għall-iskala mobile li l-Italja skrappjat fl-1992) iżda żieda fissa li hija kkalkulata fuq paga bażika soċjali. Fil-fatt meta l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-IMF fehmu l-kunċett u l-benefiċċji tal-COLA, abbandunaw it-talbiet tagħhom biex Malta tneħħi dan il-mekkaniżmu aktar minn għaxar snin ilu.
Kif intwera diġa biċ-ċar f’dan l-artikolu, mhux b’kumbinazzjoni li f’pajjiżna huwa wieħed bl-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-UE. Huwa ċertament b’riżultat tal-intervent tal-gvern kemm għan-negozji kif ukoll għall-familji.
Filwaqt li l-Enemalta żgur li mhux qed tagħmel xi profitti rekord għandna iżda negozji li qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni għaliex kif jista’ wieħed jiġġustifika li xi prodotti lokali, bħalma huwa l-ilma tal-mejda, jibqgħu jogħlew fil-prezz kull ġimgħa meta l-gvern qed jissussidja l-ispejjeż bażiċi tagħhom! Qed jiġu rreġistrati wkoll żidiet fil-prezzijiet f’xi prodotti importati li mbagħad jinstabu li huma ferm orħos fi Sqallija.
Kieku l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem talbu għal aktar responsabbiltà u trażżin fuq il-membri tagħhom żgur li kienu jiksbu aktar kredibbiltà u appoġġ mill-pubbliku ġenerali. Dawn in-negozji għandhom ikunu grati kemm lejn il-gvern kif ukoll lejn dawk li jħallsu t-taxxi. In-negozji kienu appoġġjati ferm waqt il-pandemija u anki issa b’din il-kriżi ġdida maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna.
Filwaqt li nistqarru li m’aħniex favur ir-ritorn tar-reġim tal-kontrolli tal-prezzijiet, il-gvern jeħtieġ li jkun aktar selettiv biex jipprovdi appoġġ lil negozji li huma trasparenti fil-mod li joperaw u li juru sens ta’ responsabbiltà lejn il-komunità. Ċertament, dawk in-negozji li ma jħallsux it-taxxa tagħhom jew agħar minn hekk il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta Soċjali (li b’kollox huwa smat li jlaħħqu madwar 5 biljun ewro) m’għandhomx jiġu mgħejjuna aktar!