Il-General Workers’ Union ilbieraħ bdiet sensiela ta’ żjarat fuq il-postijiet tax-xogħol bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru t-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha. L-ewwel żjara mill-amministrazzjoni ċentrali kienet lill-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barracks ta’ Ħal Luqa fejn ġiet milqugħa mill-Kap Kmandant, Clinton O’Neill u d-Deputat Kmandant Edric Zahra.
L-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kienet komposta mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri. Billi s-suldati huma msieħba fil-GWU, preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju responsabbli minnhom, Theo Vella.
Fil-kummenti tiegħu, is-Sur Bugeja stqarr li l-armata hi ħafna għal qalb il-GWU billi hija waħda mill-aktar gruppi strateġiċi importanti fil-ħidma tagħha. Huwa rrefera għad-dritt li l-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom u anke t-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ ftehimiet kollettivi storiċi milħuqa. Semma wkoll li l-GWU ħadet ħsieb li jkollha taqsimiet speċjalizzati li jiffokaw aħjar fuq diversi setturi.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-FAM, Clinton O’Neill, tenna li l-armata għandha viżjoni li trid twettaq u bħalissa għaddejja fuq ftehim kollettiv ġdid li minnu se jibbenefikaw il-ħaddiema kollha.