Il-General Workers’ Union turi s-sogħba tagħha għat-tħabbira tal-mewt tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici li għal diversi snin serva bħala l-avukat u konsulent legali tal-GWU, l-imħabba oriġinali tiegħu. Bniedem ta’ prinċipji soċjalisti, umiltà kbira u għerf kbir għas-servizz tal-ħaddiem u dawk l-aktar batuti.
It-tħabbira tal-mewt ta’ Karmenu Mifsud Bonnici tfisser ukoll li l-GWU tilfet ħabib li sal-aħħar baqa’ jemmen fil-prinċipji li jsawru mixjet il-ħaddiema. Għall-eks Prim Ministru d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiem kienet tiġi fuq quddiem nett.
Il-GWU tibqa’ tfakkar il-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici li baqa’ jgħożż il-prinċipji li sawruh fil-ħidma trejdunisitika tiegħu, dik li jaħdem favur il-ħaddiema u l-persuni l-aktar vulnerabbli. Kien persuna li ma waqaf qatt jaħdem biex iseħħu l-prinċipji soċjalisti li huwa kien jemmen fihom u jħaddan.
Ħadem spalla ma’ spalla ma’ din it-trejd unjin bl-akbar umilta’ u intelliġenza, sabiex ikun ta’ sostenn għall-ħaddiema mingħajr qatt ma talab xejn lura. Fil-binja tal-GWU kien magħruf bħala l-“ikona tal-ħaddiema”.
Fost il-ħafna memorji dwar il-ħidma sfieqa tiegħu nsemmu l-kwistjoni tal-liġi industrijali fejn kien oppona bil-qawwa l-idea li ħaddiem jintbagħat il-ħabs għax jistrajkja. Proposta li kienet approvata b’mod unanimu – it-Twaqqif ta’ Tribunal Industrijali u liġi ġdida tax-xogħol.
Malta llum tilfet wieħed minn uliedha li wassalna fejn ninsabu llum.
Jistrieħ fis-sliem.
Il-GWU tagħti l-kondoljanzi lill-qraba għat-telfa li ġarrbu bil-mewt tiegħu.