Is-Segretarju Internazzjonali tal-GWU Robert Micallef maħtur fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-proġett Ewropew “Trade Unions for Peace”

16 Jul 2026 - Aħbarijiet | Is-Sezzjoni Internazzjonali

Is-Segretarju Internazzjonali tal-GWU Robert Micallef maħtur fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-proġett Ewropew “Trade Unions for Peace”

Is-Segretarju Internazzjonali tal-General Workers’ Union (GWU), Robert Micallef, inħatar membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-proġett “Trade Unions for Peace” tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC).

Permezz ta’ din il-ħatra, Robert Micallef se jkun qed jipparteċipa fit-tmexxija tal-proġett u fil-ħidma biex jiġu ppjanati l-passi li jmiss, fosthom il-Forum dwar il-Paċi u s-Solidarjetà, il-programm ta’ taħriġ u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn it-trade unions u organizzazzjonijiet oħra.

Il-proġett “Trade Unions for Peace” għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tat-trade unions fil-promozzjoni tal-paċi, id-djalogu u l-ġustizzja soċjali. L-inizjattiva tirrikonoxxi li l-ħaddiema huma fost dawk li jbatu l-aktar mill-gwerer u l-kunflitti, filwaqt li tenfasizza li t-trade unions għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali u fir-rikostruzzjoni ta’ komunitajiet wara kriżijiet.

F’kumment dwar il-ħatra tiegħu, Robert Micallef qal:

“Il-paċi ma tistax teżisti mingħajr ġustizzja soċjali, djalogu u rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa unur għalija li nirrappreżenta lill-GWU u lil Malta f’din l-inizjattiva Ewropea li tippromwovi s-solidarjetà u l-paċi.”

Il-GWU tħares ’il quddiem biex tkompli taħdem mal-ETUC u mal-affiljati tagħha sabiex issaħħaħ il-vuċi tal-ħaddiema fil-promozzjoni tal-paċi u s-solidarjetà.

« Back