
Il-GWU f’laqgħa mal-Ministru Owen Bonnici
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Kevin Camilleri stqarr li l-union, flimkien mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Artijiet, se tagħmel dak kollu possibbli biex tkompli tgħin lil dawk li huma l-aktar batuti fis-soċjetà tagħna. Dan qalu f’kumment li ta wara laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kellha mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Artijiet Owen Bonnici.
Din il-laqgħa, li saret fil-Workers’ Memorial Building, hi parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-GWU qiegħda tagħmel ma’ Ministri tal-Kabinett u Segretarji Parlamentari. Camilleri qal li l-laqgħa mal-Ministru Bonnici kienet waħda kordjali fejn ġew diskussi temi li jolqtu l-housing soċjali u affordabbli.
Temi li qal li huma ta’ importanza kbira nazzjonali. Huwa rrefera wkoll għattranżizzjoni diġitali u qal li din għandha tkun waħda ġusta kif “ilna żmien ngħidu” inkluż fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, sabiex dawk li huma fil-parti l-baxxa tas-soċjetà ma jitħallewx jaqgħu lura. Camilleri qal li d-diskussjonijiet ma’ dan il-Ministeru se jkomplu jsiru biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.
F’kumment li ta l-Ministru Bonnici, huwa qal li ma tistax tfassal politika ’l quddiem fejn jidħol housing soċjali u affordabbli jekk ma tiddiskutix mal-GWU. Qal li l-GWU tiġbor valuri soċjali-demkratiċi importanti ħafna u għalhekk huwa essenzjali li dawn it-tip ta’ laqgħat jibqgħu għaddejjin.
Dan billi joħorġu numru ta’ inizjattivi li fuqhom nistgħu nibnu biex nagħtu soluzzjonijiet għal settur aktar ġust fis-settur talakkomodazzjoni. Preżenti f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela u s-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin.
Jakkumpanja lill-Ministru Bonnici kien hemm isSegretarju Permanenti filMinisteru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Ramon Deguara.












