Id-Djalogu Soċjali fiċ-centru tal-laqgħa bejn il-GWU u l-Ministru Keith Azzopardi Tanti

10 Jul 2026 - Aħbarijiet | Home | Politika

Id-Djalogu Soċjali fiċ-centru tal-laqgħa bejn il-GWU u l-Ministru Keith Azzopardi Tanti

F’laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union (GWU) kellha mal-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, kienu diskussi temi rilevanti għar-relazzjonijiet industrijali fosthom l-irwol kruċjali li għandu l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

F’diskors li għamel waqt il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li hu ta’ sodisfazzjon illi l-ewwel organizzazzjoni li l-Ministru Azzopardi Tanti ltaqa’ magħha kienet proprju l-GWU. 

Huwa tkellem dwar il-kontribut tal-GWU anke fi ħdan l-MCESD filwaqt li enfasizza fuq l-importanza li d-diskussjonijiet li jsiru jkunu msaħħa b’riċerki.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma’ wkoll id-diġitalizzazzjoni u l-isfidi li se ġġib magħha, li għalihom huwa meħtieġ li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jkunu mħejjija sew biex jilqgħu għalihom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Azzopardi Tanti qal li l-fatt li huwa ġej minn familja tal-ħaddiema tah aktar is-setgħa li jifhem dak li jgħaddu minnu l-ħaddiema. Kumplimentari ma’ dan, huwa tenna li l-professjoni tiegħu ta’ accountant tgħinu wkoll biex jifhem aħjar lin-negozji.

Il-Ministru Azzopardi Tanti kompla biex qal li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma fi ħdan l-MCESD u anke f’dak li jirrigwardja d-djalogu soċjali. Qal ukoll li l-Gvern, permezz tal-manifest Int Malta, għandu miri ambizzjużi li kollha huma ċċentrati dwar kif se jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. 

“Infittex li nikkollabora fost oħrajn mal-GWU biex il-wegħdiet ambizzjużi li għandna jitwettqu,” temm jgħid il-Ministru Azzopardi Tanti. 

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef, il-President tal-GWU Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela u l-konsulent finanzjarju tal-GWU Robert Borg.

Aktar qabel, il-Ministru Azzopardi Tanti żar id-diversi taqsimiet fil-Workers’ Memorial Building fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u uffiċjali oħra tal-GWU kif ukoll mal-ġurnalisti tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Union Print. 

« Back