Il-General Workers’ Union (GWU) qed tipparteċipa f’numru konsiderevoli ta’ proġetti Ewropej flimkien ma’ trejdunjins minn stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea. Uħud minn dawn il-proġetti qed tmexxihom il-GWU stess.
Dan intqal mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja waqt li lbieraħ filgħodu kien qed jinawgura l-ewwel minn tliet sessjonijiet ta’ laqgħat f’Malta dwar proġett mifrux fuq 18-il xahar li jittratta d-direttiva Ewropea dwar l-ippustjar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport. F’dan il-proġett il-
GWU hija rappreżentata mit-Taqsima Marittima u Avjazzjoni.
Dan il-proġett minbarra l-GWU, hemm imsieħba fih it-trejdunjins BTB ABVV mill-Belġju, Podkrepa tal-Bulgarija, CGIL tal-Italja kif ukoll unjins mill-Albanija, s-Slovenja, u r-Renju Unit, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tal-Bulgarija u l-Federazzjoni Ewropea tat-Trasport ETF fost oħrajn.
Josef Buġeja tkellem dwar kif il-GWU wessgħet il-fruntieri tagħha tant li llum qed tirrappreżenta wkoll l-interessi ta’ ħaddiema barranin. Wieħed mill-ikbar grupp huma ħaddiema Taljani. F’dan ir-rigward semma l-koperazzjoni mill-qrib li l-GWU għandha mal-union Taljana CGIL li qed iħalltu flimkien l-esperjenzi tagħhom fis-salvagwardji tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Taljani f’Malta.
Dwar il-proġett innifsu dwar l-ippustjar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport, is-Segretarju Ġenerali stqarr li l-għan tat-tlett ijiem ta’ laqgħat hu li tkun mifhuma aħjar id-Direttiva Ewropea u l-implikazzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha fuq il-ħaddiema tat-trasport.
Josef Bugeja semma kif f’dan il-kuntest il-GWU wriet it-tħassib tagħha dwar l-ostakli li tippreżenta d-Direttiva fosthom dik li se tqis lil kulħadd l-istess (one size fits all) meta fil-fatt iċ-ċirkostanza ta’ Malta huma ferm differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Għalhekk, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali, id-djalogu soċjali huwa importanti u kruċjali mhux biss fil-livell trejdunjonistiku imma wkoll fil-livell nazzjonali mal-awtoritajiet Maltin.
Dan il-proġett qed jitmexxa miċ-CGIL tal-Italja u l-koordinazzjoni tiegħu f’Malta hija f’idejn Sandro Vella, Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU u Riccardo Travaglini li huwa l-persuna ta’ kuntatt f’Malta bejn iċ-CGIL u l-GWU.
Fost l-għanijiet ta’ dan il-proġett hemm li tissaħħaħ u tissokta l-koperazzjoni bejn l-interressi relevanti fl-ippiustjar tal-ħaddiema bħalma huma imsieħba soċjali, istituzzjonijiet pubbliċi u entitajiet privati, li jgħin fit-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, li jikkontribwixxi għall-
implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Ewropea 96/71/EC dwar l-ippustjar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ provvedimenti transnazzjonali ta’ servizzi u l-appoġġ għal miżuri tal-ELA national liaison officer billi titjib il-koperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u spetturi tax-xogħol fil-livell nazzjonali.