Dalgħodu f’lukanda ewlenija f’Malta, il-Gvern u l-imsieħba soċjali ffirmaw ftehim li għat-tieni darba taħt Gvern Laburista se tkun qiegħda tiżdied il-Paga minima nazzjonali.
Preżenti għal dan il-ftehim storiku kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u fost l-imsieħba soċjali f’isem il-GWU kien hemm is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna se jibqa’ mixi ‘l quddiem ekonomikament u soċjalment minkejja kull sfida li jista’ jkun hemm fuq il-fora internazzjonali. Qal li dan il-ftehim juri l-għeruq soċjalisti li għandu l-Gvern imexxi minnu. Saħaq ukoll li dan il-ftehim ifisser li twettqet wegħda elettorali oħra tal-Partit Laburista.
B’referenza għal baġit, il-Prim Ministru qal li dan se jkun qiegħed jgħin lil dawk li jifilħu l-inqas. Nhar it-Tnejn li ġej se jkun qiegħed jitressaq it-tieni baġit ta’ din il-leġiżlatura u baġit ieħor ta’ Gvern Laburista li jkun mingħajr taxxi ġodda.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li dan hu mument storiku u xhieda ta’ kemm id-djolagu soċjali hu wieħed ferm attiv f’pajjiżna.
Dr Ellul spjega li permezz ta’ dan il-ftehim fi żmien 4 snin se jkun hemm żieda bejn €12 u €18 fil-ġimgħa, apparti ż-żieda tal-COLA fil-paga minima nazzjonali.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm membri tal-MCESD fosthom uffiċjali tal-GWU, kif ukoll il-membri tal-Low Wage Commission.