Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-ħiliet tal-ħaddiema sabiex ikun hemm aktar inklużjoni

 

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, fil-jiem li għaddew, kien mistieden sabiex jitkellem waqt konferenza tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) bl-isem “A Fair Deal via Social Dialogue and Collective Bargaining.”

Is-Sur Bondin tkellem b’mod partikolari dwar il-proġett li mexxiet il-GWU permezz ta’ fondi Ewropej, li ffoka dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq il-ħaddiema, fosthom fuq iż-żgħażagħ, in-nisa, persuni b’diżabilità u dak li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri fi tmiem il-ġimgħa u anke bix-xift.

Fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit, is-Segretarju Bondin qal li l-proġett kien jinkludi żewġ riċerki, l-ewwel billi saret analiżi tad-dinja tax-xogħol f’Malta fejn sar ukoll taħriġ għal rappreżentanti tal-GWU sabiex ikunu preparati għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija. It-tieni riċerka trattat fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru permezz ta’ diversi workshops u intervisti mal-ħaddiema kif ukoll employers.

Minn dawn ir-riċerki ħareġ li l-Covid-19 ħalliet impatt fuq persuni b’diżabilità peress li affettwat il-ħajja lavorattiva u soċjali tagħhom. Dan peress li ma kellhomx attivitajiet fejn jistgħu joħorġu u jirrikreaw ruħhom billi huma meqjusa bħala vulnerabbli. 

Fir-rigward taż-żgħażagħ ġie nnutat li l-Covid-19 ma ppermettietx li dawn jiltaqgħu mal-kollegi tagħhom filwaqt li ċertu taħriġ ħaduh mid-dar. Min-naħa l-oħra, ħafna min-nisa saħqu li f’dan il-perjodu kellhom aktar flessibilità u għalhekk għażlu li jibqgħu f’dak il-post tax-xogħol.

Fl-istess riċerka ħareġ il-bżonn li nħarsu s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, xi ħaġa li l-GWU bdiet ukoll timplimenta, b’diversi employers qegħdin jinkludu dan fil-ftehimiet kollettivi mal-istess unjin. “Rajna wkoll il-bżonn li jkun hemm aktar edukazzjoni u taħriġ għal rappreżentanti tal-unjin u li nadottaw għaż-żminijiet tal-lum u nattiraw aktar żgħażagħ,” qal Bondin.

Is-Segretarju Bondin tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-ħiliet tal-ħaddiema u sabiex ikun hemm aktar inklużjoni u ugwaljanza fuq il-postijiet tax-xogħol. Huwa tenna li l-membri tal-ETUC laqgħu l-ħidma tal-GWU f’dan il-proġett filwaqt li stqarr li l-unjin se tkompli tapplika għal aktar proġetti fosthom dwar it-tranżizzjoni għal “ekonomija ħadra” u green jobs. 

“Fil-fatt, il-GWU ġiet aċċettata għal tliet proġetti oħra – wieħed minnhom se tkun qiegħda tmexxieh hi – li se jiffoka fuq il-green jobs u d-diġitalizzazzjoni. Iż-żewġ proġetti l-oħra jirrigwardjaw id-diġitalizzazzjoni, ir-reskilling u l-ħiliet ġodda li hemm bżonn għall-ħaddiema biex nadattaw għar-realtajiet ġodda li qed jiżvolġu madwarna,” tenna Bondin. 

Permezz ta’ dan kollu, il-GWU qiegħda tkompli turi kemm hija pro-attiva u dan billi mhix biss qiegħda tanalizza s-sitwazzjoni preżenti iżda wkoll qiegħda tipprepara ruħha għall-ġejjieni.