Din hija l-aħħar taqsima mwaqqfa minn total ta’ tmien taqsimiet tal-General Workers’ Union. Il-GWU minn dejjem kienet favur li l-korpi dixxiplinati jkollhom dritt li jissieħbu f’Trade Union tal-għażla tagħhom. Tant hu hekk, li għal diversi snin ressqet proposti biex dan id-dritt jingħata. Kien wara l-elezzjoni tal-2013 li dan id-dritt ingħata. Hija taqsima fejn tipproteġi l-ħaddiema membri mal-GWU li jaħdmu ġewwa;
- Il-forzi Armati ta’ Malta
- L-Aġenzija għas-Sevizzi Korrettivi
- L-Uffiċjali tad-Detenzjoni ġewwa s-Servizzi għad-Detenzjoni
- L-Uffiċjali tal-Komunità ġewwa l-Aġenzija LESA (Law Enforcement System Agency)
- Uffiċjali tas-Sigurtà f’diversi kumpaniji privati li joffru servizz ta’ sigurtà
- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Il-Pulizija huma rrappreżentati mill-Police Officers’ Union. Hija Union indipendenti iżda affiljata fi ħdan il-GWU u topera permezz ta’ kumitat minn membri fil-Korp tal-Pulizija.
Il-membri jvarjaw minn dawk tas-servizz pubbliku, settur pubbliku u s-settur privat. Ħaddiema fuq bażi full time, part time, fuq kuntratt indefinit kif ukoll fuq kuntratt definit kollha jistgħu jkunu membri mal-GWU.
Rikonoxximent x’inhu u kif jinkiseb?
Meta organizzazzjoni jkollha l-maġġoranza tal-ħaddiema membri mal-GWU (50% +1) il-Union tikseb rikonoxximent mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER). Dan ifisser li l-GWU tkun tirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol u tiġi intitolata li tagħmel ftehim kollettiv bejn il-ħaddiem u min iħaddem.
X’jiġri wara?
Wara li jkunu nġabru l-proposti mill-ħaddiema fil-post tax-xogħol konċernat, jiġu sottomessi u jibda nnegozjar tal-ftehim kollettiv jew ftehim settorjali biex jiġu mtejba kemm id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-Union rikonoxxuta jkollha dritt għall-konsultazzjoni fejn jiġu proposti sensji u/jew trasferimenti allegatament diskriminatorji. Fis-Settur Pubbliku kif ukoll f’diversi kumpaniji privati l-membri jkollhom id-dritt jagħżlu li l-ħlas tas-sħubija jitnaqqas mill-paga tagħhom kull ġimgħa.
Meta ma tistax tingħata għajnuna?
L-unika sitwazzjoni fejn il-Union ma tkunx f’pożizzjoni li tgħin huwa meta l-membri jkollhom problemi li jkunu ġraw qabel ikunu ssieħbu membri tal-GWU. Apparti minn hekk f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjonijiet industrijali ma tkunx tista’ tingħata għajnuna.
X’tagħmel il-GWU – Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi?
It-taqsima hija l-vuċi tal-membri tagħha. B’mod kontinwu hija taħdem id f’id mal-membri sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Tara li membri qegħdin jiġu stmati kif suppost. F’każ li le t-taqsima tqajjem għarfien dwar dawn is-sitwazzjonijiet li jmorru kontra d-drittijiet tal-ħaddiema, tal-umani u kontra l-ftehim kollettiv. Il-Union tista’ anke teskala dawn is-sitwazzjonijiet fuq livell nazzjonali.
- Negozjar
Biex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jitjiebu jsiru ħafna diskussjonijiet u negozjar ma’ min iħaddem. Apparti l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu diskussi wkoll il-paga u allowances aħjar għall-ħaddiema. Il-Union tipproponi wkoll proposti għall-baġit sabiex dejjem tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-membri.
- Kampanja
Din hija l-istrateġija tagħna biex nibqgħu dejjem inżidu l-kuxjenza dwar kwistjonijiet li jinqalgħu, insaħħu l-kundizzjonijiet tal-membri u niġbru appoġġ għall-kwistjonijiet lokali u internazzjonali.
- Ġustizzja Ekwa u Ugwaljanza
Valur importanti ħafna għall-GWU huwa li tgħin lill-membri għall-ġustizzja u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u anke lil hinn mix-xogħol. L-isfida kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza huma importanti ħafna għalina u hija kawża li ma tintemm qatt.
- Assistenza waqt proċeduri dixxiplinarji u tribunal industrijali
Meta membri tal-Union ikunu naqsu jew b’xi mod ikunu kisru l-kodiċi ta’ dixxiplina jkunu suġġetti għall-proċeduri dixxiplinarji. Jekk tinstab ħtija jista’ jkun hemm pieni varji, bl-aktar waħda serja hija dik ta’ tkeċċija mill-impjieg. Hawn it-taqsima toffri assistenza legali b’xejn għall-membri mhux biss waqt proċeduri dixxiplinarji, iżda wkoll waqt tribunal industrijali f’każ ta’ tkeċċija inġusta.
Is-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi
Theo Vella huwa s-Segretaraju tat-Taqsima. Ilu jagħti l-kontribut tiegħu fis-setter trejdunjonistiku mill-2015, meta l-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati ġew mogħtija d-dritt li jissieħbu f’Union tal-għażla tagħhom. Theo ta’ s-sehem tiegħu bħala Viċi President fil-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union li hija Union tal-Pulizija affiljata mal-GWU.
Ix-xogħol primarju tiegħu kien fil-Korp tal-Pulizija, fl-1995 daħal fil-Korp fil-grad ta’ Kuntistabbli u fl-2001 ġie promoss għall-grad ta’ Surġent tal-Pulizija. Bejn l-1995 u l-2016 kien stazzjonat fit-taqsima Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u kien jokkupa l-irwol ta’ Uffiċjal tax-xena tar-reat (Scene of the Crime Officer), f’dan il-perijodu huwa kien jinħatar bħala espert tal-Qorti u assista f’diversi inkjesti Maġisterjali f’għexieren ta’ reati kriminali. Fl-2016 ġie sekondat mill-Korp tal-Pulizija għall-GWU fejn assista lis-Segretarju fit-taqsima tal-Ospitalità u Ikel li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Korpi Dixxiplinati. Fl-2017 issottometta n-nomina tiegħu għall-Segretarju tat-taqsima u ġie elett b’mod unanimu mid-delegati.
Fil-ftit ħin liberu li jkollu Theo jħobb joqgħod għall-kwiet, imur xi dawra bil-mutur, jimxi fil-kampanja u jqatta’ vaganzi qosra fil-Gżira t’Għawdex flimkien mal-mara tiegħu Joanna. Iħobb ħafna l-annimali u x-xewqa tiegħu hi li għandu iżjed ħin biex jgħin l-annimali abbandunati. Jiddejjaq ħafna mill-preġudizzju u jweġġa’ ħafna f’sitwazzjonijiet fejn persuni jiġu trattati ħażin sempliċiment għax huma dgħajfa.
L-istorja ta’ din it-taqsima
Din it-taqsima ġiet stabbilita fl-2017. L-ewwel ftehim settorjali negozjat u ffirmat fis-servizz pubbliku kien dak tal-Pulizija fl-2018, fejn fih kienu firmatarji wkoll Unions oħra. It-tieni ftehim kollettiv negozjat u ffirmat fis-settur pubbliku kien dak mal-aġenzija LESA fl-2019 fejn il-GWU kellha l-esklussività tal-għarfien ewlieni. It-tielet ftehim settorjali negozjat u ffirmat kien dak mal-Forzi Armati ta’ Malta fl-2020 u anke hawn il-GWU kienet l-unika Union firmatarja. Ġew negozjati wkoll diversi ftehim kollettivi ma’ kumpaniji fis-settur privat fil-qasam tas-sigurtà. It-taqsima qiegħda fi proċess biex jiġu konklużi negozjati fl-aġenzija għas-servizzi korrettivi, diversi kumpaniji tas-sigurtà u jinfetħu negozjati mill-ġdid tad-Detention Services u l-aġenzija LESA.