Il-General Workers’ Union illum il-5 ta’ Ottubru qed tiċċelebra d-79 anniversarju mit-twelid tagħha. Anniversarju li matul il-milja tas-snin, bil-ħidma sfieqa tal-Union, ra l-mixja ´l quddiem tal-ħaddiema Maltin u lill-familji tagħhom itejbu ħajjithom soċjalment u ekonomikament. Għalhekk ħadd u xejn ma jista’ jiċħad, iwarrab jew jiskarta l-post ewlieni li l-GWU għandha fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.
Dan mhux biss aħna nistqarruh imma saħansitra wkoll kittieba awtorevoli li taw importanza assoluta lit-twaqqif ta’ din l-ikbar organizzazzjoni tal-ħaddiema f’pajjiżna. Organizzazzjoni li twieldet biex toħroġ lill-klassi tax-xogħol mill-miżerja u l-faqar li kienet fih.
Eżempju wieħed biss minn dawn kollha huwa dak li kiteb l-Avukat Herbert Ganado f’wieħed mill-volumi tiegħu Rajt Malta Tinbidel. Dr Ganado stqarr b’mod ċar u bla tlaqliq illi l-ikbar ġrajja li seħħet waqt il-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija fis-sena 1943 kien it-twelid tal-GWU.
U kellu raġun bil-kbir Dr Ganado meta qal hekk. Iż-żmien tah prova qawwija u b’saħħitha ta’ kemm il-GWU kienet u għadha strumentali u protagonista ewlenija mhux biss fl-evuluzzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin imma wkoll fl-edukazzjoni kontinwa u l-iżviliupp tal-personalità tagħhom.
Ma nistgħux ma nfakkrux lanqas li sa mis-snin bikrin tagħha, il-GWU ħadmet bis-sħiħ u bla heda biex issaltan l-ugwaljanza u biex f’pajjiżna ma ssir ebda diskriminazzjoni ma ħadd. Illum, grazzi għal dak li rnexxielha twettaq il-GWU, in-nisa għandhom posthom fis-soċjetà, fid-dinja tax-xogħol bid-dinjità kollha li jistħoqqilhom.
Dan kollu, il-GWU ma wettqitux biss ma naħa waħda tal-poplu imma rat kif għamlet wkoll biex minoranzi ma jiġux imċaħħdin mid-drittijiet li huma tagħhom ukoll.
Il-GWU, għaliex hija organizzazzjoni dinamika u proattiva tħares lura biss biex titgħallem mill-esperjenza tagħha stess. Imma tħares ukoll ‘il quddiem għaliex temmen li l-futur huwa issa sabiex ħadd ma jiġi aljenat mill-iżvilupp teknoloġiku bla rażan li qed iseħħ f’din id-dinja globalizzata.
Għalhekk, il-GWU hija kompetenti, konsistenti u kredibbli.