Il-GWU f’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni
Hemm potenzjal kbir għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kollha f’Malta, inkluż dawk barranin. Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt laqgħa ta’ korteżija mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li iktar kmieni llum fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.
Bugeja nsista li l-GWU, bħala sieħeb soċjali ewlieni, temmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali u fl-importanza li s-soluzzjonijiet jinkisbu madwar il-mejda tad-diskussjoni. Filwaqt li semma t-titjib leġiżlattiv li sar, huwa rrimarka li hu inaċċettabbli li l-ħaddiema tal-pjattaformi ma jkunux ikkunsidrati u allura mhux rikonoxxuti. “Iddiskutejna l-aħjar triq ‘il quddiem anke f’dan ir-rigward,” qal Bugeja.
Huwa żied isemmi kif il-ħaddiema jrid ikollhom l-ħiliet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għat-tibdil mgħaġġel li qed isir fid-dinja tax-xogħol. Dan filwaqt li semma l-proposta tas-sħubija awtomatika fi trejdunjin sabiex jinqatgħu ċertu abbużi li jista’ jkun hemm fuq il-post tax-xogħol. “L-irwol tagħna huwa li naraw li nħallu impatt pożittiv kemm fuq il-ħaddiema u anke fuq is-soċjetà inġenerali,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser din il-laqgħa bħala opportunità biex inkomplu nitgħallmu dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema u kif bħala politiċi jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi għall-ġid tal-istess ħaddiema, tal-pajjiż u tal-ekonomija tagħna. Grech insista wkoll li kull ħaddiem għandu jkollu d-dinjità tiegħu. “Li jkun jista’ jippjana u joħlom li jttejjeb il-qagħda ekonomika u kif jista’ jinvesti fil-futur tiegħu.”
Temi oħra li ġew diskussi f’din il-laqgħa kienu l-prekarjat, il-problema tat-traffiku u li jiġu indirizzati l-‘iskill gaps’ sabiex ikollna ħaddiema preparati għall-bżonnijiet differenti li jiżviluppaw fl-ekonomija.
Preżenti f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u x-Xogħol Ivan Castillo u l-Kelliem għal-Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg.