Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Mill-2008, il-GWU ilha titlob għal viżjoni nazzjonali, ħolistika u pjan strateġiku li jestendi lil hinn mill-ekonomija

Il-General Workers’ Union laqgħat b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-Gvern waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCESD) dwar it-tnedija ta’ proċess ta’ viżjoni għal Malta sal-2050 u miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2035, biex ikun żgurat progress matul is-snin. L-għan prinċipali ta’ din il-viżjoni huwa li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà Maltija.  

Il-GWU ilha mis-sena 2008 tisħaq li Malta teħtieġ viżjoni ħolistika u pjan strateġiku mhux biss għall-ekonomija tagħha, iżda wkoll għall-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, eċċ.

“Il-proposti li ressaqna f’diversi budgets kienu proprju xprunati mill-idea li l-pajjiż għandu bżonn viżjoni ħolistika u pjan strateġiku għall-pajjiż kollu għal kwalità ta’ ħajja aħjar, xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwasslu għal mobbilità soċjali għal kulħadd. Din il-viżjoni għandha twassal għall-qabża li jmiss fil-kwalità tal-ħajja tagħna. Il-prijoritajiet tal-poplu jinbidlu matul iż-żmien u bi pjan ħolistiku nistgħu nilqgħu u nantiċipaw ċerti problemi u sfidi u naħdmu flimkien għal futur aħjar għalina u għal uliedna.

“Din il-viżjoni għandha tkun il-viżjoni ta’ kulħadd u hekk biss tkun ta’ pajjiż sħiħ,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Issa l-General Workers’ Union tistenna b’ħerqa t-tnedija tal-proċess konsultattiv fejn diġà ddikjarat waqt il-laqgħa tal-MCESD l-parteċipazzjoni attiva tagħha.