Il-General Workers’ Union ħabbret servizz finanzjarju ġdid, bi sħab ma’ Em@ney Plc., bl-iskop li tipprovdi aktar benefiċċji għall-membri tagħha. Dan is-servizz jikkonsisti f’sistema ta’ debit card iddisinjata biex tkabbar l-aċċess bażiku għas-servizzi bankarji siguri b’mod aktar faċli u mgħaġġel. Permezz ta’ din id-debit card wieħed jista’ jgawdi mill-konvenjenza, il-flessibilità u aktar kontroll finanzjarju, proċess ta’ tranżazzjonijiet u jgawdi minn diversi vantaġġi esklussivi mfassla għall-membri tal-GWU.
It-tnedija ta’ dan is-servizz ġdid saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li ħa ħsieb dan il-proġett, Germano Arnò, Kap Eżekuttiv ta’ Em@ney Plc. u Bruno Soutinho – Head of Business Development and Commercial Strategy.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja semma’ kif l-unjin qiegħda tippromwovi servizzi ġodda u anke tevolvi sabiex tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u l-membri tagħha.
“Matul is-snin nedejna diversi servizzi u benefiċċji biex nilħqu diversi aspirazzjonijiet u biex lill-membru nagħtuh dejjem l-importanza li dejjem tixraqlu. Is-servizz ta’ debit card ġdida huwa wieħed innovattiv u li l-ebda trejdunjin oħra m’għandha,” qal Bugeja.
Fi preżentazzjoni li għamel Bruno Southino, spjega li dan is-servizz se jkun offrut speċifikatament lill-membri tal-GWU, debit card li tista’ tintuża kullimkien filwaqt li se tagħti lura lill-membri diversi benefiċċji minn xiex jibbenefikaw.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Em@ney Plc., Germano Arnò qal li fil-qalba ta’ dan il-proġett hemm debit card, żviluppata għal kollox f’Malta, grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Em@ney plc, istituzzjoni tal-flus elettroniċi li ilha topera f’Malta għal dawn l-aħħar 12-il sena u liċenzjata mill-MFSA.
“Bi sħab mal-GWU, em@ney investiet fi snin ta’ riċerka u żvilupp biex jinħoloq prodott b’żewġ funzjonijiet ewlenin: Aċċess Sempliċi u Sikur għas-Servizzi Bankarji u Sistema ta’ Ridistribuzzjoni Soċjali li tippermetti lil min jużaha fi ħwienet parteċipanti jibbenefika minn diversi benefiċċji.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri rringrazzja lil dawk kollha involuti li flimkien magħhom irnexxielu jimmaterjalizza dan il-proġett u esprima t-tama li dan ikun suċċess bħal servizzi oħra li diġà qiegħda toffri l-unjin.
“Debit card li tkun miftuħa għall-użu f’qasir żmien. L-applikazzjonijiet għall-card jistgħu jsiru fuq l-app li ġiet introdotta għal dan il-għan. App bl-isem GWUPay li tista’ titniżżel minn fuq l-App Store jew Google Play.”
Għal aktar tagħrif dwar il-GWU/em@oney debit card wieħed jista’ jċempel fuq 2567 9000 jew jibgħat email fuq [email protected].