Il-General Workers’ Union u l-Kamra tal-Kummerċ ressqu żewġ proposti għad-diskussjoni b’rabta mar-riforma fis-sistema tal-pensjonijiet. Dawn il-proposti huma immirati lejn l-anzjanità attiva, iż-żieda fl-attività fost anzjani li jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu, kif ukoll sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja wara li persuna tagħżel li tirtira.
Qed ikun rakkomandat li l-Gvern jadotta miżuri sabiex jiżdiedu l-impjiegi ta’ nies f’età aktar avvanzata. Bażikament qed jiġi propost li jinbidel l-approċċ preżenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-irtirar kmieni b’mod li tippermetti aktar il-flessibblità sabiex persuna tibbilanċja l-ħtiġijiet tagħha u tkun tista’ taħdem inqas minn 40 siegħa fil-ġimgħa fl-istess waqt li tkun fuq il-pensjoni.
Intqal li dawk li jagħżlu li jaħdmu b’approċċ flessibbli minflok ma jirtiraw, iridu jaħdmu numru ta’ sigħat li se jiġu miftiehma permezz ta’ kuntratt bejnhom u s-sidien tagħhom, u trid issir registrazzjoni tal-impjieg mal-Jobs Plus.
Kemm il-GWU kif ukoll il-Kamra tal-Kummerċ qed jisħqu li għandha tiġi introdotta f’Malta pensjoni relatata mal-post tax-xogħol li tkun imfassla b’reqqa u bbażata fuq il-prinċipji ta’ opt-in f’impjieg bl-għażla ta’ opt-out.
Tali skema ta’ opt-in volontarju fi skemi ta’ pensjonijiet ta’ impjieg bl-għażla ta’ opt-out jistgħu jiġu mfassla b’mod li ma toħloq l-ebda tensjoni soċjali jew impatti negattivi fuq l-impjegati u min iħaddem.
“Dan minħabba l-fatt li s-settur tax-xogħol kompla jikber tant li qed ikollna diffikultajiet kemm aħna bħala trejdunjins li niltaqgħu kontinwament ma’ min iħaddem kif ukoll employers li jsibu diffikultà biex isibu ħaddiema li jkollhom biżżejjed kompetenzi u abiltajiet li jibqgħu fuq il-post tax-xogħol,” qal is-Sur Bugeja.
Tenna li dawn il-proposti se jkunu qed jiġu diskussi kemm mal-Gvern, mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-pubbliku inġenerali.