It-Twemmin
L-għan tal-Union kien u għadu li ttejjeb il-ħajja tal-membri u l-ħaddiema kollha. Dan tagħmlu billi taħdem biex tagħtihom livell ta’ għajxien xieraq mal-progress taż-żminijiet. Ix-xogħol tal-Union huwa kontinwu però l-prijorità tibqa’ dejjem illi timxi mat-Twemmin li hi tħaddan. Din hija l-filosofija tagħha, il-valuri li tħaddan, l-għan tagħha u l-missjoni tagħha. It-Twemmin tal-Union huwa mibni fuq;
- Ġustizzja soċjali
- Opportunitajiet indaqs
- Għajxien ħieles u diċenti
- Xogħol għal kulħadd
- Dritt li tagħżel l-impjieg
- Saħħa u sigurtà
- Stabilità fuq il-post tax-xogħol
- Dritt tar-rappreżentanza fl-interest tal-ħaddiema u l-pensjonanti
Il-Union minn dejjem kienet ifformata fuq skala nazzjonali biex tgħaqqad il-klassi tal-ħaddiema u tiddokumenta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom u tal-membri u tara li dawn id-drittijiet qegħdin jiġu mħarsin kif suppost. Barra minn hekk il-Union tenfasizza li kulħadd għandu jkollu d-drittijiet kollha kullimkien anke dawk politiċi.
Is-Soċjetà
Is-soċjetà m’għandha l-ebda dritt teskludi l-ebda membru tagħha, irrelevanti ċ-ċirkustanzi. Iċ-ċittadini f’kull soċjetà għandu jkollhom id-drittijiet fundamentali tagħhom imħarsa u kulħadd għandu jingħata l-ispazju tiegħu. Il-Union taħdem favur iċ-ċittadini kollha għaliex kulħadd huwa ndaqs irrelevanti;
- Sess, twemmin, razza, kulur, reliġjoni
- Libertà soċjali – mod ta’ għajxien
- Persuni b’diżabilità
- Iż-żgħażagħ
- Min jiżbalja
L-Edukazzjoni L-Aqwa Investiment
L-għan tal-edukazzjoni għandha timmira li toħroġ il-kreattivà ta’ kull individwu. L-edukazzjoni ma għandhiex limiti u lanqas barrieri u hija l-aqwa investiment li pajjiż jista’ jagħmel. L-edukazzjoni ma għandhiex tkun limitata għal klassi fi skola li tipprepara l-istudenti għad-dinja tax-xogħol biss però l-adulti għandhom id-dritt għall-istudju wkoll. Il-GWU dejjem emmnet li l-edukazzjoni għandha tkun il-viżjoni tal-pajjiż ta’ għada u kienet l-ewwel Union illi mbuttat biex ulied il-ħaddiema jkollhom l-opportunità jistudjaw u jkomplu javvanzaw fit-tagħlim. Illum aktar minn qatt qabel temmen li l-iżvilupp personali kontinwu u t-tagħlim matul il-ħajja huma essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà.
Barra minn hekk il-Union hija l-aġenzija għall-edukazzjoni fis-soċjetà ċivili u responsabbli li teduka s-soċjetà Maltija fuq is-suġġetti kollha soċjoekonomiċi.
Is-Saħħa Dritt Naturali
Is-saħħa hija dritt mis-soċjetà lejn kull ċittadin. Is-saħħa ma jfissirx biss fejqan però anke prevenzjoni minn xi aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol fost oħrajn. L-istat f’isem il-poplu għandu kull obbligu li jipprovdi servizzi ta’ saħħa b’xejn liċ-ċittadini kollha. Il-postijiet tax-xogħol għandhom jipprovdu ħarsien effettiv lill-ħaddiema skont in-natura tax-xogħol;
- Saħħa u sigurtà
- Studju tar-riskju
- Kura fil-każ ta’ aċċidenti
- Testijiet regolari
- Tagħrif dwar perikli fix-xogħol tagħhom
- Ħin ħieles għal ħaddiema kollha
L-Ambjent
L-ambjent huwa ta’ kulħadd u jolqot direttament il-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin daqskemm jintlaqat mill-azzjonijiet ħżiena tagħna lkoll. Ambjent tajjeb jiswa kemm għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u kemm għal dawk futuri.
Il-GWU taħdem kontinwament biex il-ħidma tal-pajjiż tkun irregolata fuq prinċipji bażiċi;
- Riżorsi ambjentali użati b’dixxiplina
- Ħidma għal prevenzjoni u mhux għal soluzzjoni ta’ problemi
- Kulħadd iġorr ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent
- Kull individwu għandu jkun konxju tar-riskji
Il-Familja Is-sisien tas-soċjetà
Il-familji huma s-sisien ta’ kull soċjetà u s-saħħa tal-familji hija l-ġejjieni. Minħabba f’hekk il-familji jeħtieġu apprezzament u rikonoxximent u għalhekk huwa important li s-soċjetà tifhem kull familja. Il-GWU taħdem ħafna għall-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol għaliex temmen li l-ulied huma l-futur tas-soċjetà u huma l-iżjed li jbatu jekk il-bilanċ ikun nieqes.
Il-Union ħadmet ħafna biex bidlet in-norma;
- Leave Urġenti tal-Familja
- Sigħat ta’ xogħol imnaqqsa (reduced hours)
- Flessibilità fil-ħinijiet
- Dritt ta’ Leave tal-ġenituri
- Il-Ħarsien tal-Maternità
- Leave Annwali
- Żieda ta’ leave meta Festa Pubblika/Nazzjonali taqa’ fi tmiem il-ġimgħa
- Leave ta’ prokreazzjoni medikament assistita
- Dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni mal-impjegati
Bħalissa l-Union qiegħda taħdem biex tkompli ttejjeb il-ħajja tal-membri u l-ħaddiema;
- Id-dritt li taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol (#therighttodisconnect)
- Trattament Ugwali fl-Impiegi
- Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
- Dħul mill-għajxien (Living income)
- Pay Transparency
- Differenza fil-paga bejn is-sessi (gender pay gap)
- Nimmitigaw l-effett tal-Covid-19 fuq il-ħaddiema
Il-Ħaddiema Fis-soċjetà
Il-ħaddiema joħolqu l-ġid fis-soċjetà u għandu jkollhom id-dritt jitkellmu kif dan il-ġid għandu jinqasam. Iċ-ċittadini huma l-qofol ta’ sistema demokratika u mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa ma tkunx iffurmata kif suppost. L-irwol ta’ Union huwa li taħdem biex kull soċjetà jkollha;
- Demokrazija
- Sħubija soċjali
- Ċittadini parteċipanti
- Konsumaturi attivi
L-Ekonomija
Il-bilanċ huwa important f’kull ekonomija biex ma jinqabeż ħadd. Is-suq, l-istat, is-settur pubbliku u dak privat għandhom irwol importanti fl-ekonomija u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali żżommha vijabbli biex tkompli tiffjorixxi.
Apparti minn hekk il-ħaddiem huwa l-qafas fuq l-ekonomija u l-ġid li jiġi ġġenerat. Is-suq intern jiddependi mill-infiq tiegħu u huwa għalhekk li l-Union temmen li ma jagħmilx sens u jmur kontra kull sens ta’ ġustizzja soċjali li l-piżijiet tal-ekonomija jinġarru l-aktar mill-ħaddiema li jiddependu biss fuq is-salarji u l-pagi.
Ix-Xogħol Id-dritt ta’ kull ħaddiem
Ix-xogħol jagħti d-dinjità lill-bniedem u l-ħidma ta’ kull Gvern għandha tkun li jkomplu jinħolqu x-xogħlijiet.
Il-GWU tisħaqq li;
- Irid ikun hemm ippjanar serju u strateġiji miftiehma biex l-impjiegi jkomplu jinħolqu
- Ix-xogħlijiet għandhom ikunu sostnuti
- Ix-xogħol għandu dejjem ikun għall-bniedem u mhux bil-kontra
- Kull tip ta’ fastidju sesswali għandu jiġi diskriminatorju
- Kull forma ġdida ta’ xogħol għandha tkun analizzata biex jinħolqu l-kundizzjonijiet, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema u min iħaddem.
L-Anzjanità
Il-ħajja ma tintemmx mal-irtirar tax-xogħol. Is-soċjetà trid tapprezza l-esperjenza tal-anzjani tagħha, tagħtihom iċ-ċans għaliex għalkemm mhumiex attivi fid-dinja tax-xogħol però għandhom ikollhom iċ-ċans ikunu attivi fis-soċjetà. L-ikbar apprezzament li s-soċjetà tista’ turi lejn l-anzjani tagħha huwa billi tħarishom u ssostni l-livell tal-għajxien tagħhom.