Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

IS-SĦUBIJA MANDATORJA FI TRADE UNION

Ninsabu kważi ġimgħa u nofs bogħod mill-elezzjoni ġenerali. Issa li ħarġu l-programmi elettorali tal-partiti ewlenin f’pajjiżna għandna idea aktar ċara tal-proposti li qed iressqu għall-futur tal-pajjiż.

B’dak li ressaq il-Partit Laburista, nistgħu nifhmu aħjar x’se jkunu il-prijoritajiet ewlenin ta’ Gvern ġdid immexxi minn Robert Abela, b’fuq quddiem nett ikun hemm l-ambjent fejn tħabbar proġett ta’ €700 miljun fi proġetti ta’ tisbiħ u spazji miftuħa ġodda. Dan se jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Ma’ dawn hemm miżuri intiżi għall-familja, fosthom tnaqqis fit-taxxa tad-dħul li se jfissru aktar flus fil-but tagħhom u oħrajn għan-negozji b’roħs ta’ 10% fuq it-taxxa tal-qligħ. L-anzjani jibqgħu ukoll prijorità għall-Gvern Laburista fejn qed jiġi mwiegħda lilhom żieda ta’ €15 fil-ġimgħa oħra fuq medda ta’ ħames snin.

Ma jonqsux il-miżuri relatati ma’ dawk li jkunu jridu jixtru proprjetà għall-ewwel darba, fejn qed ikun propost li l-Gvern iħallas €1,000 fis-sena għal perjodu ta’ 10 snin sabiex itaffu mill-piż finanzjarju fil-ħlas tal-loan tagħhom. Flimkien ma’ dawn, hemm ukoll il-garanzija għat-tfal biex ikun żgurat li ħadd ma jaqa’ lura, iż-żieda fl-istipendji u l-emendi fil-liġi tal-IVF li jgħinu aktar koppji sabiex isiru ġenituri. 

Huwa ta’ sodisfazzjon li fil-programm elettorali tal-Partit Laburista tissemma’ s-sħubija mandatorja fi trade union, proposta li mbuttat ħafna l-General Workers’ Union. It-trade unions huma l-vuċi tal-ħaddiema u kull fejn hemm ħaddiema msieħba f’union hemm inqas riskju ta’ sfruttament. 

Gvern ġdid Laburista qed iwiegħed li se jinbdew diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura. Nifhmu li b’dan il-mod se jkunu qegħdin jinqatgħu ċertu abbużi fuq il-post tax-xogħol b’mod partikolari f’dinja ta’ xogħol li kulma jmur qed tiżviluppa u tinbidel. 

Bħala ġurnal mhux darba jew tnejn tkellimna dwar forom ġodda ta’ xogħol li jeħtieġu li jkunu regolarizzati, li jinkludu l-impjiegi tal-platform workers, bħalma huma dawk li jqassmu l-ikel fid-djar. Dawn il-forom ġodda ta’ xogħol spikkaw l-aktar waqt il-pandemija.

Fl-aħħar xhur, anke waqt l-eqqel tal-pandemija, il-GWU kienet ukoll infurmata b’każi fejn ħaddiema kellhom l-impjieg tagħhom itterminat sempliċiment b’SMS u ħaddiema li kienu mgħarrfa li se jaqqsulhom drastikament il-pagi tagħhom. 

Għalhekk jeħtieġ li jekk irridu ntejbu l-kwalità tax-xogħol, sitwazzjonijiet simili jridu jiġu indirizzati. Dan jista’ jseħħ jekk ħaddiem ikun imsieħeb fi trade union tal-għażla tiegħu fejn id-drittijiet u anke l-kundizzjonijiet tiegħu jkunu mħarsa skont il-liġi.