Wara ġimgħat ta’ diskussjoni li ma waslu mkien konkrett, il-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali bil-għan li ħaddiema tal-kuntratturi impjegati fl-Isptar Monte Carmeli bħala skrivani u cleaners li iżda qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni, jkollhom l-pożizzjoni tagħhom regolata.
Malli l-GWU saret taf bil-każ, permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel saru kuntatti mal-awtoritajiet tal-isptar fejn talbet biex jiġu rranġati l-anomaliji li qed joħolqu diskriminazzjoni u sitwazzjoni inaċċettabbli. Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat qal li l-Union infurmat lill-awtoritajiet tal-Isptar Monte Carmeli li mhuwiex aċċettabbli li dawn il-ħaddiema qed jaħdmu xogħol li ma kienux impjegati għalih u fl-istess waqt mhumiex qed jingħataw il-pagi u l-kundizzjonijiet li suppost jirċievu ħaddiema li qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.
“Dawn il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni, li ta’ min jgħid li huwa siewi ħafna meta iqis l-istat tal-isptar Monter Carmeli, li iżda huwa regolat minn diversi liġijiet tax-xogħol u għal daqstant l-awtoritajiet tal-Isptar Monte Carmeli għandhom jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont kif titlob il-liġi,” tenna s-Segretarju tat-Taqsima Kenny Muscat.
Il-GWU għaldaqstant wissiet li sakem is-sitwazzjoni ma tkunx solvuta, hija se tagħmel użu mid-dritt li ttieha l-liġi u qed tagħti direttiva lill-imsieħba tagħha biex ma jagħmlux xogħol ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni.