Il-kampanja ‘Rigal bi Mħabba’ laħqet il-qofol tagħha llum b’attività għall-familja kollha, li kienet tinkludi wkoll spettaklu fi Pjazza Kastilja. Fost dawk li poġġew rigali taħt is-Siġra tal-Milied kien hemm l-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union, Segretarji tat-Taqsimiet, uffiċjali u ħaddiema oħra fi ħdan l-istess union.

Din l-inizjattiva tnediet ftit tal-jiem ilu minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, bil-għan li jitpoġġew rigali taħt is-siġra sabiex f’dan iż-żmien tal-Milied jiġu mferrħa tfal Maltin u Għawdxin.
Sa minn kmieni dalgħodu għadd ta’ nies bdew jinġabru sabiex ipoġġu r-rigali tagħhom. Dawn kienu jinkludu tfal tal-iskejjel, adulti, sidien ta’ negozji kif ukoll Membri Parlamentari fost oħrajn.
Sadanittant, fil-gżira Għawdxija wkoll inġabru għadd ġmielu ta’ rigali li se jkunu qegħdin jinġiebu Malta sabiex wara jitqassmu lit-tfal.
