L-Ambaxxatur Awstrijak għal Malta Andreas Stadler qal li jinsab impressjonat bil-mod ta’ kif Malta affaċċjat il-pandemija tal-Covid-19.
Huwa stqarr dan waqt laqgħa li kellu l-Ħamis filgħodu ma’ delegazzjoni tal-General Workers’ Union fil-Workers’ Memorial Building.
Stadler beda biex qal li l-Covid-19 serviet bħala esperjenza għalina lkoll fejn kellna nadattaw għal din ir-realtà ġdida li ġiet fuqna bla mistenni.
Huwa semma kif filwaqt li f’Malta kellna ‘lockdown’ wieħed bejn Marzu u Ġunju, fl-Awstrija kien hemm tliet ‘lockdowns’, b’wieħed minnhom għadu fis-seħħ. Qal li bħalissa qed jittamaw li minn nhar it-Tnejn jibdew jitneħħew xi restrizzjonijiet biex l-istudenti jerġgħu jidħlu lura fl-iskejjel.
Stadler faħħar ukoll il-miżura tal-Covid Wage Supplement li ħa dan il-Gvern biex ġew salvati l-impjiegi, u qal li f’pajjiżu qegħdin jittieħdu miżuri fid-dawl li r-rata ta’ qgħad hija waħda kbira.
L-Ambaxxatur Awstrijak għal Malta temm billi esprima l-fiduċja tiegħu li l-vaċċin kontra l-Covid-19 se jgħin biex tonqos ir-rata ta’ infezzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, filwaqt li laqa’ lil Stadler, sostna li minħabba l-pandemija ridna nkunu pro-attivi fil-miżuri li jittieħdu fuq il-postijiet tax-xogħol.
Huwa semma kif il-postijiet tax-xogħol kollha kkollaboraw biex ikunu jistgħu jwettqu l-bidla li kien hemm bżonn, fejn il-ħaddiema ngħataw ukoll il-flessibilità li jaħdmu mid-dar tagħhom.
Bugeja tkellem ukoll dwar il-Covid Wage Supplement u qal li din l-għajnuna kienet kruċjali għall-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Tenna li bħalissa qed nipprovaw nimmitigaw l-impatt tal-Covid-19 biex nadattaw għal din in-normalità ġdida.
Fil-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri.
Il-lockdown ta’ Malta kien wieħed parzjali hekk kif il-Qrati, l-iskejjel, l-ajruport u istituzzjonijiet oħra kienu jinsabu magħluqa. Min-naħa l-oħra, bħalissa s-sitwazzjoni fl-Awstrija hi tali li ma jistax ikun hemm safar għal skop ta’ vaganzi, il-lukandi huma magħluqa għall-istess skop, ir-ristoranti u bars jistgħu joffru biss servizzi ta’ takeout jew delivery u mhux permess li jsir ikel fuq ġewwa, u t-teatri, mużewijiet, ċinemas, gyms, pools, zoos jinsabu magħluqa. Barra minn hekk, il-poplu qed ikun imħeġġeġ biex jibqa’ ġewwa u ma joħroġx ħlief għal raġunijiet essenzjali.
Source: inewsmalta.com