
Il-proposti li l-General Workers’ Union (GWU) ressqet għall-Budget 2027 iħarsu lil hinn mill-Budget innifsu. Filwaqt li jippromwovu l-użu għaqli tar-riżorsi, għandhom l-għan li l-miżuri li jittieħdu jilħqu lil kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet u r-realtajiet differenti tal-familji u tal-ħaddiema.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, waqt laqgħa li l-Amministrazzjoni tal-Union kellha mal-Oppożizzjoni dwar il-Budget 2027, li se jiġi ppreżentat fis-26 ta’ Ottubru.
Camilleri enfasizza li l-miżuri mħabbra fil-Budget għandhom joħolqu valur miżjud għall-pajjiż u jikkontribwixxu, pass pass, għat-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa sostna li l-Budget għandu jkun għodda li mhux biss twieġeb għall-ħtiġijiet immedjati tal-familji u tal-ħaddiema, iżda tħejji wkoll lill-pajjiż għall-isfidi tal-futur.
F’dan il-kuntest, is-Segretarju Ġenerali tkellem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet marbuta mal-Intelliġenza Artifiċjali, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tat-taħriġ u t-titjib kontinwu tal-ħiliet. Dan sabiex l-avvanzi teknoloġiċi jissarrfu f’benefiċċji konkreti għall-ħaddiema, għall-komunitajiet u għall-ekonomija.
Camilleri rrefera wkoll għall-proposti tal-GWU li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-ħaddiema u lil bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Fost dawn semma l-introduzzjoni ta’ proġett pilota għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa, li jkun akkumpanjat minn riċerka u evalwazzjoni xierqa sabiex jiġu analizzati l-impatti tiegħu fuq il-ħaddiema u l-postijiet tax-xogħol.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Abela, enfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma għal kwalità ta’ ħajja aħjar, jingħata aktar valur lis-snajja’ u tinbidel in-narrattiva dwar il-ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Il-President tal-GWU, Jason Deguara, saħaq fuq il-ħtieġa ta’ studju nazzjonali dwar is-saħħa mentali, bis-sehem tal-politiċi, it-trejd unjins u dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu għal appoġġ aktar effettiv. Huwa nnota li r-realtà qed turi li l-ħidma f’dan il-qasam għadha mhix biżżejjed.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, enfasizza l-importanza ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni bħal dawn. Huwa sostna li l-Budget m’għandux jitqies biss bħala mezz ta’ għoti ta’ benefiċċji finanzjarji, iżda għandu jirrifletti viżjoni ċara dwar id-direzzjoni li pajjiżna għandu jieħu fis-snin li ġejjin.
Borg qabel mal-pożizzjoni tal-GWU li l-Budget għandu jilħaq lil kulħadd u nnota li hemm diversi punti ta’ qbil bejn il-proposti tal-Union u dawk tal-Oppożizzjoni. Fost dawn semma miżuri favur bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, inizjattivi marbuta mar-remote working, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u r-reviżjoni tal-mudell tal-COLA.
“Hemm ħafna affarijiet komuni u sinerġija fil-proposti tagħna. Nemmnu li l-Budget irid jilħaq kemm jista’ jkun nies, u jħares mhux lejn l-elezzjoni li ġejja, iżda lejn il-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Għal din il-laqgħa, min-naħa tal-GWU, kien preżenti wkoll il-konsulent finanzjarju Robert Borg.












