L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union komposta mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, ilbieraħ iltaqgħu mal-membru parlamentari l-Onor. Ray Abela.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat tkellmu dwar diversi temi li jolqtu l-ħaddiema u ċ-ċittadini. Fost dawn tkellmu dwar il-bżonn ta’ pjan ta’ strateġija għaż-żgħażagħ li jkunu waslu biex jitilqu minn fuq il-bank tal-iskola u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Qabża li ġie nnotat li għal uħud ma tkunx daqshekk ċara u ppjanifikata kif suppost.
Iz-zewg nahat tkellmu ukoll dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-postijiet ta’ xogħol, fosthom tfixkil fit-trasport ta’ materja prima, iż-żieda fil-prezzijiet, l-isfida tal-inflazzjoni, l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħiliet biex jimlew l-vakanzi li qed toħloq l-ekonomija Maltija.
Tkellmu wkoll dwar il-pensjonijiet għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk li ġejjin. Fuq il-mod kif il-pajjiż jista’ jaħdem biex il-pensjoni tkun assigurata. Kif ukoll dwar il-ħidma li qiegħda ssir, speċjalment fis-settur pubbliku, biex aktar nies jaħdmu b’teleworking u flessibilità fuq ix-xogħol, għal aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi wkoll ir-rotot u l-ħinijiet tat-trasport pubbliku għall-ħaddiema li jaħdmu f’ċerti żoni industrijali, hekk kif uħud mhumiex jimxu id f’id biex jaqdu lill-ħaddiema skont il-ħinijiet tax-xogħol. Hekk kif permezz ta’ laqgħat u ftehim jistgħu jsiru tibdiliet żgħar għal aktar kumdità.
Fl-aħħar tal-laqgħa ż-żewġ naħat qablu li jżommu kuntatt kontinwu għall-beneficju tal-membri u l-ħaddiema inġenerali.