Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU f ’laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ Komunità Indjana li jgħixu Malta

L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union iltaqgħu ma’ rappreżentanti mill-Komunità Satya Sanatan Dharma Sabha (Indian Welfare Community) f’Malta,  akkumpanjati minn Alexander Calleja Zammit mill-International Moroccan Community in Malta (IMCM) li tagħmel parti minn pjattaforma ta’ NGOs li jassistu lil xulxin, u minn Patri Colin Apap, li flimkien qed ikunu ta’ sapport għal dawn in-nies.

Din il-Komunità ngħaqdet propju biex jingħaqdu l-Hindus u komunitajiet oħra ta’ Indjani li jgħixu f’Malta u jkunu ta’ sapport għal xulxin.

Flimkien mal-GWU iddiskutew is-sitwazzjoni f’pajjiżna ta’ wħud mill-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaħdmu jew li jiġu hawn Malta b’wegħda ta’ xogħol u li kawża ta’ xi sidien li jieħdu vantaġġ mis-sistema, dawn il-ħaddiema jisfaw abbużati hekk kif ma jsibux dak li jkun imwiegħed lilhom.

Dan wara li jintalbu jħallsu eluf ta’ liri qabel jiġu hawn, li ħafna drabi jwasslu lill-familja kollha tiddejjen għalihom, bil-wegħda li se jinġiebu f’pajjiżna u jaħdmu u jaqilgħu paga diċenti.

Minflok ħafna drabi jkollhom jew jaħdmu ħafna aktar sigħat milli suppost biex jaqilgħu l-paga ta’ 40 siegħa xogħol, jew ma jingħataw l-ebda xogħol u għalhekk jispiċċaw qegħdin f’pajjiżna kontra l-liġi. Minn hawnhekk jew jiġu deportati jew inkella jaħdmu b’mod illegali.

Ir-rappreżentanti mill-Komunità spjegaw li permezz ta’ din il-komunità bdew jiltaqgħu ma’ diversi esperjenzi ta’ nies li ġew hawn Malta biex ifittxu futur u minflok sfaw f’ċirku vizzjuż, iħallsu eluf ta’ flus u ma jingħataw xejn milli kien miftiehem. Huma semmew esperjenzi negattivi fosthom ta’ suwiċidji, deportazzjonijiet, xogħol illegali, djun, użura, prostituzzjoni u traffikar ta’ nies.

“Ikun hawn diversi ħaddiema Indjani li jiġu hawn Malta u jkollhom jitilqu lura pajjiżhom propju minħabba l-abbużi li jiffaċċjaw hawn,” qal Alexander Calleja Zammit.

“Bħala IMCM nemmnu li l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nies tal-lokal u l-barranin taggrava l-attitudnijiet razzjali. Dan qed iwassal biex meta n-nies tal-lokal jaraw li x-xogħol mill-barranin ikun irħas, iħossu li l-barranin qed jisirqulhom l-impjiegi, anke jekk dan ma jkunx minnu.”

“Nappoġġjaw bil-qawwa l-pożizzjoni tal-GWU li l-ħaddiema barranin kollha f’Malta jridu jkunu parti minn trejd unjin biex l-abbuż jitrażżan u qed nimbottaw din l-aġenda fuq id-diversi pjattaformi tal-NGOs li jkollna komunikazzjoni magħhom,” żied jgħid Alexander Calleja Zammit.

“Aħna nixtiequ li l-affarijiet isiru kif suppost u ma jkunx hawn illegalitajiet u abbużi fuq dawn il-persuni umani. Aħna saħansitra qegħdin ngħinu wħud minn dawn il-persuni li jisfaw bla flus u bla ikel billi noffrulhom x’jieklu fit-tempju tagħna,” qaluna r-rappreżentanti mill-Komunità.

L-amministrazzjoni tal-GWU qalet li tinsab “dispjaċuta u rrabjata fl-istess ħin li hawn nies jaqilgħu flus imċappsin bid-demm, li r-razziżmu għadu jeżisti fost ħafna globalment u offrew il-kontribuzzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom li jaħdmu flimkien ma’ din il-komunità b’kull mezz possibbli biex jinqatgħu kemm jista’ jkun abbużi u bħala trejd unjin joffru l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet bażiċi li wieħed għandu jkun jaf relatati max-xogħol.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li bil-leġiżlazzjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ April 2024 jittama li jitrażżan l-abbuż minn uħud mit-temping agencies li jimportaw ħaddiema minn barra l-UE. Hekk kif permezz tar-regoli ġodda dawn l-aġenziji jeħtieġu li jakkwistaw liċenzja biex joperaw.

“Il-GWU ilha tisħaq fuq ċerti kuntratturi li joffru servizzi ta’ ħaddiem. Temmen li din il-bidla legali radikali kienet bżonnjuża u trażżan l-isfruttament tal-ħaddiema.”

Temm jgħid li jittama li permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni ġdida l-isfruttament fuq il-ħaddiema, speċjalment fuq il-ħaddiema barranin, jispiċċa.

“Aħna għandna bżonn il-ħaddiema barranin, li qed jgħinu fit-tkabbir ekonomiku iżda ħadd ma għandu jieħu vantaġġ mis-sistema u minn dawn il-ħaddiema. Se nkunu qed ngħinu kemm nistgħu lil din il-Komunità biex permezz tal-ħidma tagħhom u l-għajnuna tagħna jkun hemm komunitajiet oħrajn li jimxu fuq l-istess passi għall-ġid tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jaħdmu flimkien biex jgħinu lil dawk li qed jiġu abbużati, kif ukoll jorganizzaw anke attivitajiet soċjali u kulturali.