Il-GWU ddikjarat tilwima industrijali minħabba nuqqas kbir ta’ uniformijiet tal-Caring Stream li jaħdmu ġewwa MDH u MCH. Il-ħaddiema li jaħdmu ġewwa l-isptarijiet fil-grad ta’ Caring Stream mhux qed isibu uniformijiet u żraben meta jkun hemm bżonn jinbidlu.
Il-GWU – Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi ddiskutit din is-sitwazzjoni mal-maniġment u l-Ministeru tas-Saħħa minħabba li uniformi adegwata għax-xogħol għandha tkun provduta, speċjalment għal raġunijiet ta’ saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Wara diversi ġimgħat fejn il-GWU baqgħet tistenna xi forma ta’ kjarifika u risposta rigward din is-sitwazzjoni, il-GWU ma kienx fadlilha alternattiva oħra għajr li tiddikjara tilwima industrijali kif stipulat fil-ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku. Il-GWU mhux teskludi li tieħu azzjonijiet industrijali jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix solvuta.