Is-Sajf ta’ Malta jgib miegħu temparaturi gholja u shana kbira. Illum il-ġurnata ma għadikx toqgħod id-dar mingħajr ACs. Minħabba f’hekk id-domanda għall-elettriku qed tikber b’mod mgħaġġel li qed twassal għal diversi ħsarat madwar Malta u Għawdex. Ħadd ma jieħu gost iqatta’ ġranet jew iljieli bla dwal speċjalment f’temperaturi għoljin. Iżda wara kull tiswija hemm diversi gruppi ta’ ħaddiema tal-EneMalta b’ħidma kontinwa u bla waqfien.
Il-GWU – Taqsima Kimika u Enerġija tixtieq turi l-apprezzament tagħha lejn il-ħaddiema kollha tal-Enemalta plc li bħalissa qegħdin jaħdmu bla waqfien b’dedikazzjoni kbira biex kemm jista’ jkun jirranġaw il-ħsarat fl-iqsar żmien possibbli u jerġgħu jipprovdu l-elettriku lir-residenti.
Ma rridux ninsew li dawn l-impjegati membri tal-GWU jaħdmu fl-elementi kollha tan-natura biex jirranġaw il-ħsarat li jinqalgħu u jnaqqsu l-inkonvejt għall-klijent kemm jista’ jkun malajr. F’dawn l-aħħar ġranet inlaqgħu ħafna ntoppi li l-ħaddiema ġew imsejħa jirrapurtaw għax-xogħol meta kienu leave jew fil-ġranet tal-mistrieħ tagħhom. Grazzi lill-ħaddiema kollha tal-Enemalta plc. Kull impjegat qiegħed juri professjonaliżmu u diliġenza f’dan iż-żmien ta’ sfida.