B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun ġie ffirmat ftehim ieħor bejn il-Gvern, il-Forzi Armati u l-General Workers’ Union fuq perjodu ta’ sentejn għall-1,600 membri tas-suldati kollha mill-grad ta’ Maġġur sa Gunner, u dan bħala kumpens finanzjarju għax-xogħol li jwettqu fl-extra duties.
Dan il-ftehim ġie ffirmat waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Inwettqu Flimkien, li preżenti kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Fl-aħħar snin daħlu fis-seħħ numru ta’ ftehimiet kollettivi li qed ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol flimkien ma’ salarji aħjar għall-ħaddiema kollha tal-Korpi Dixxiplinati, li huma pilastru ewlieni fis-setturi tas-sigurta ta’ pajjiżna.
Waħda mill-prinċipji ewlenin li daħlu fis-seħħ permezz ta’ dawn il-ftehimiet kienet li kull ħaddiem ikun kupensat b’mod finanzjarju għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa, apparti żidiet f’benefiċċji oħra.
Dawn il-ftehimiet setgħu jkunu possibbli wkoll permezz ta’ djalogu soċjali ħaj, anki wara li għall-ewwel darba l-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ngħatalhom id-dritt li jkollhom unjin li tirrappreżentahom.
Dan l-aġġustament joħroġ minn klawsola ta’ reviżjoni fil-ħlas tal-extra duty wara l-ewwel ftehim settorjali tax-xorta tiegħu għas-suldati.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna kif il-Gvern qed jibqa’ jonora kull klawsola ta’ kull ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar snin. Hu saħaq kif qed ikunu investiti ’l fuq minn €15-il miljun fis-sena għal ħames snin, għall-ħamest elef ħaddiem, li jservu fil-pulizija, fis-sistemi korrettivi, fil-protezzjoni ċivili u fil-forzi armati.
Il-Ministru spjega wkoll kif l-ewwel ftehim kien sar għall-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, li mbagħad l-proċess segwa għal kull korp dixxiplinat ieħor. Kompla li għaldaqstant, hekk kif dis-sena jgħaddu l-ħames snin stipulati fil-ftehim għall-Pulizija, iħares ’il quddiem biex ikun konkluż ukoll ftehim ġdid għal salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-istess pulizija.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-General Workers Union tat-Taqsima tal-Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi, is-Sur Theo Vella, qal li l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, bħal ma huma s-suldati, jistħoqqilhom kumpens finanzjarju sostenibbli għax-xogħol li jwettqu. “Żieda addizzjonali ma’ dak diġà miksub tliet snin ilu, se jkompli jsaħħaħ il-pakkett finanzjarju tas-suldati tagħna. Fil-fatt, fis-snin 2023 u 2024 il-ħlas għall-extra duty se jiżdied b’madwar 17%,” tenna s-Sur Vella.
Preżenti wkoll għal dan l-iffirmar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union u l-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Thomas Woods.