Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li jinsab maħsud għat-telfa ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici, li ddesrivieh bħala “persuna umli, kwiet, ċajtier, u intelligenti.”
Huwa qal li Dr Mifsud Bonnici kien persuna li dejjem ta mingħajr qatt ma stenna xi ħaġa lura. Dan filwaqt li kien iħobb ħafna lill-ħaddiema u lill-General Workers’ Union.
Bugeja żied jgħid li kull darba li kellu bżonn parir mingħandu matul il-karriera tiegħu dejjem sabu ta’ għajnuna.
“Kien ta’ għerf kbir dwar il-liġi tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali. Niftakar fil-bidu tal-ħidma tieghi bħala segretarju konna nitkellmu ħafna, jien nistaqsi u hu b’paċenzja kbira jispjega. Kien jiddefendi ħaddiema f’Tribunal Industrijali mingħajr qatt ma talab xejn lura. Kien rispettat minn kulħadd, kemm fl-awla anke barra l-awla. Fil-bini tal-Workers’ Memorial Building kien meqjus ikona tal-ħaddiema”, spjega Bugeja.
Bugeja qal ukoll li mingħandu tgħallem ħafna izda l-aktar it-tifsira tal-umiltà. “Baqa’ jiġi l-union sa ftit ta’ żmien ilu, avolja mhux daqs kemm kien jiġi qabel. Żgur il-ħaddiem tilef difensur tal-kawżi tiegħu.”
“Strieħ fis-sliem Karm. Grazzi minn qalbi ta’ dak kollu li għamilt għal Malta, għall-ħaddiem u għall-General Workers’ Union. Aħna nibqgħu grati lejk,” temm jgħid Bugeja.