L-unjins ewlenin inkluża l-GWU u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem dwar ir-rappreżentanza tal-unjins fuq il-postijiet tax-xogħol
L-imsieħba soċjali għamlu appell biex lokalment tkun issalvagwardjata l-istabbiltà tar-relazzjonijiet industrijali u dan billi jkunu rrispettati d-drittiijiet ta’ unjins b’maġġoranza ta’ rappreżentanza u dawk b’minoranza fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan l-appell sar mill-unjin ewlenin f’Malta u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li huma – il-General Workers’ Union (GWU), il-UHM Voice of the Workers, il-For.U.M, il-Konfederazzjoni tat-Trejd Unjins Maltin, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-SMEs u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti.
Fi stqarrija dawn iddikjaraw li prinċipju fundamentali tar-relazzjonijiet industrijali huwa l-libertà ta’ assoċjazzjoni li bih kull impjegat jista’ jissieħeb ma’ unjin tal-għażla tiegħu u dan kemm jekk din l-istess unjin hija fil-maġġoranza, kif ukoll jekk bħala rappreżentanza, din hija fil-minoranza iżda, b’rispett lejn id-drittijiet ta’ unjin b’maġġoranza u unjin b’minoranza. Dan, kompliet tgħid l-istqarrija, “bl-ebda mod ma jkun hemm restrizzjoni fid-dritt ta’ kull impjegat li jassoċja ruħu jew ikun rappreżentat jew assistit minn trejd unjin tal-għażla tiegħu”.
L-unjins jista’ jkollhom maġġoranza ta’ impjegati f’ċerti kumpaniji u minoranza f’oħrajn. “Minkejja dan, il-liġi tistabbilixxi li unjin b’minoranza tista’ tirrappreżenta biss lill-membri fuq bażi individwali u li kwistjonijiet kollettivi jistgħu jkunu diskussi minn unjin b’maġġoranza. Barra minnhekk, l-Artiklu 5 tal-Avviż Legali 413 tar-Regolamenti għall-Għarfien ta’ Trejd Unjin, jistabbilixxi b’mod ċar li – ġaladarba unjin hija rikonoxxuta bħala l-unika unjin li tinnegozja b’mod kollettiv, ebda unjin oħra ma tista’ tintervjeni b’mod kollettiv dwar kwistjoni li jista’ jkollhom l-impjegati ma’ min iħaddimhom. Barra minnhekk, l-Artiklu 5 jgħid li ebda employer m’għandu jiddiskuti kwistjonijiet kollettivi dwar l-impjegati ma’ unjin oħra għajr dik il-unjin rikonoxxuta”. L-istqarrija tgħid li dan il-prinċipjun huwa wkoll imniżżel f’għadd ta’ ftehim kollettivi u kien kruċjali għal relazzjonijiet industrijali armonjużi anke meta impjegati u membri kienu f’unjins differenti.
L-istqarrija kompliet tispjega li f’xi każijiet, unjin b’maġġoranza, filwaqt li żżomm ir-rikonoxximent tagħha, tista’ tagħżel li tmexxi n-negozjati bl-involviment ta’ unjin b’minoranza. “Unjin b’minoranza għandha d-dritt li tirrappreżenta u tassisti membri individwali iżda ma tistax tiddiskuti kwistjonijiet ta’ natura kollettiva f’isem klassi ta’ ħaddiema jew gradi. Din ir-responsabbiltà taqa’ fuq dik b’rappreżenza tal-maġġoranza tal-ħaddiema, l-unjin rikonoxxuta. Kull deċiżjoni ta’ Qorti li tibdel din is-sitwazzjoni, bla bżonn, se tikkawża konflitt industrijali bejn il-ħaddiema, l-unjins u anke bejn l-unjins u min iħaddem”.
Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali enfasizzaw li tali sitwazzjoni għandha tkun assolutament evitata fl-interess tal-impjegati, tar-rappreżentanti u ta’ min iħaddem. Huma temmu jgħidu li, “l-istabbiltà ekonomika tiddependi minn ambjent tax-xogħol armonjuż”.