
It-Taqsima Ospitalità u Ikel hija waħda minn tmien taqsimijiet tal-GWU. Din it-taqsima tipproteġi u tirrappreżenta ħaddiema membri tal-GWU impjegati ma’ firxa wiesgħa ta’ setturi. Din is-sezzjoni tgawdi mir-rikonoxximent u tiġbor fija membri minn diversi postijiet tax-xogħol relatati mal-istess industrija;
Il-Union taqbeż għall-ħaddiem anke fuq bażi individwali però ma tkunx tista’ tgħin meta l-membri jkollhom problemi li jkunu ġraw qabel ikunu ssieħbu mal-Union u f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjonijiet industrijali bħal fil-każijiet li jkun hemm suspett ta’ xi azzjoni kriminali.
Dak kollu li għandek tkun taf dwar it-Taqsima
Din it-taqsima ġiet imwaqqfa meta l-industrija tat-turiżmu f’Malta kienet għadha qed tikber. Illum il-ġurnata tirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-postijiet tal-ospitalità, divertiment u manifattura tal-ikel f’Malta u Għawdex. Din it-Taqsima tgawdi wkoll rikonoxximent fil-lukandi prinċipali kollha ta’ pajjiżna, ristoranti u f’kumpaniji li jipproduċu ikel għall-esportazzjoni.
Hija l-unika taqsima li għandha punt ta’ kuntatt għal diversi NGOs u organizzazzjonijiet fosthom UNCHR u JRS fejn magħhom jiġu kkordinati diversi proġetti u hija l-punt ta’ riferiment ewlieni fejn jidħlu relazzjonijiet industrijali.
It-Taqsima tal-Ospitalità u ikel għandha relazzjoni ma’ diversi komunitajiet fosthom il-komunitijiet Nepaliża, Filippina, Sudaniża, Sirjana u Pakistana. Taqsima li taħdem kemm mal-assoċjazzjonijiet uffiċjali li huma għandhom u kif ukoll fuq bażi individwali ma’ ħaddiema li jippartjenu lil dawn il-komunitajiet fosthom fuq il-proċedura ferm burokratika tas-single work permit li hija mmaniġjata mill-entità Identity Malta.
Din it-taqsima kienet il-moħħ biex il-GWU tniedi il-pożizzjoni tagħha fuq suġġetti bħall-prostituzzjoni u ħaddiema mmigranti. Dan seħħ wara diversi laqgħat mal-istakeholders prinċipali. Bħalissa qed taħdem fuq il-proġett tal-Living Income mal-Anti-Poverty Forum. Apparti minn hekk hija affiljata ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fejn tirrappreżenta ħaddiema Maltin fil-European Federation of Food, Agriculture and Tourism Trade Unions (EFFAT). Fuq livell dinji hija affiljata fl-International Union of Food, Agricultural, Hotel, Restaurant, Catering, Tobacco and Allied Workers’ Associations (IUF). Dawn l-organizzazzjonijiet huma attivi u jirrikjedu impenn kontinwu biex il-Union iżżomm ruħha aġġornata u tagħti l-kontribut tagħha f’isem Malta.

Kevin Abela beda jkun attiv fil-qasam trejdunjonistiku fl-1997. Kien hawn li ntagħżel mill-kollegi tiegħu biex ikun wieħed mir-rappreżentanti tagħhom tal-GWU u eventwalment kien inħatar bħala shop steward. F’dan il-perjodu kien ukoll membru fl-Eżekuttiv tat-Taqsima. F’Novembru tal-2020 ingħaqad mal-GWU bħala Assistant Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, imbagħad kien f’Jannar tal-2023 li waqt Konferenza Straordinarja tas-Sezzjoni inħatar Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel.