Għada huwa jum fejn il-ħaddiema tad-Dinja kollha se jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem. Għada il-ħaddiema mhux biss se jfakkru l-kisbiet li għamlu matul iż–żminijiet imma wkoll iħarsu lejn l-isfidi li għandom quddiemhom biex jaraw kif se jiffaċċjaw dawn l-isfidi.
Hawn min jgħid li Jum il Ħaddiem illum tilef mis-sinifikat tiegħu u bilkemm ma tismax xi argumenti li dan il-jum jista’ ma jkomplix jiġi ċċelebrat. Dan ikun żball kbir.
Tul l-istorja tiegħu l-ħaddiem dejjem kellu jiġġieled għal dak li kiseb u ħadd qatt ma ta xi ħaġa fuq platt tal-fidda.
Għalkemm illum il-ħaddiema f’Malta qegħdin igawdu minn kundizzjonijiet u drittijiet tajbin, tajjeb wieħed ifakkar li dak li għandu l-ħaddiem Malti llum huwa frott ta’ dawk eks ħaddiema (illum anzjani) li kellhom ibagħtu biex jiksbu.
L-Għaqda Pensjonanti filwaqt li ssellem lil dawk kollha eks ħaddiema u tirringrazzjahom għal ħidma tagħhom li bnew il-pajjiż, tappella lill-ħaddiema biex qatt ma jinsew lil ta’ qabilhom li ħadmu bla waqfien biex il-ħaddiem illum jinsab fejn jinsab. L-Għaqda Pensjonanti tawgura Jum il-Ħaddiem mill-aqwa lil ħaddiema kollha, tibqa’ tappella għall-għaqda bejn il-ħaddiema fi ħdan il-GWU f’Jum il-Ħaddiem’. Il-ħaddiema Maltin mhux se jipprotestaw bħalma se jagħmlu ħaddiema f’pajjiżi oħra għax id-drittijiet qegħdin jitnaqqsulhom. Għall-ħaddiema Maltin se tkun ġurnata li jiċċelebraw il-kisbiet tal- lum u tal-bieraħ.
Il-GWU flimkien ma’ Gvernijiet Laburisti kienet protagonista għall-kisbiet kbar għall-ħaddiema, liema kisbiet il-pensjonanti, il-ħaddiema u l-familji tagħhom għadhom igawdu minnhom sal-lum. Għalhekk huwa importanti li l-ħaddiema tal-lum għandhom iħarsu l-kisbiet li saru minn ta’ qabilhom u ma jħallu lil ħadd jeħodomlhom kif ukoll għandhom jaraw li l-arloġġ ma jerġax lura għax jekk jiġri hekk ikun ta’ deni għalihom u għal familji tagħhom. Għaldaqstant il-ħaddiema Maltin mhux se jkollhom li fil-festa tagħhom joħorġu jipprotestaw bħalma se jagħmlu f’pajjizi oħra.
L-Uffiċjali tal-GWU jsellmu lil ħaddiem fuq il-monument imwaqqaf mill-GWU fl-Imsida. Dan hu monument li ftit hawn bħalu fid-dinja għax fi ftit pajjiżi biss issib monument dedikat proprju għall-ħaddiem.
Ħidma tal-Għaqda
Bħalissa l-Għaqda għaddejja b’ħidma kbira biex torganizza il-Konferenza Ġenerali tagħha. Ix-xogħol miexi ġmielu infatti diġà tressaq ir-Rapport Amministrattiv għas-snin 2017 u 2021 fejn ġiet irrapurtata il-ħidma li wettqet l-Għaqda f’dan il-perjodu. Kien proprju l-assistent Segrearju Joe Spiano li ġabar il-ħidma kollha biex sawwar ir-rapport. Il-Kumitat tal-Għaqda approva d-dukument tar-Rapport Amministrattiv. Approva wkoll kemm ir- Rapport finanzjarju mressaq mill-Kaxxier Frans Grech kif ukoll mozzjoni li se tiġi mressqa fil-Konferenza.
Fil-Konferenza jriedu jiġu maħtura l-President, Segretarju u Membri tal-Kumitat għaż-żmien li ġej fejn hawn jidher li hemm diversi nies li huma interessati.