F’dinja tax-xogħol li qed tinbidel kontinwament, il-General Workers’ Union u numru ta’ trejd unjins internazzjonali ppreżentaw l-interess tagħhom għas-sejħiet maħruġa biex b’kollox hemm 11-il sieħeb li se jaħdmu flimkien f’dan il-proġett imsemmi TUDO for EDU (Trade Union Digitalization Officers for Effective Trade Unions) għal trejd unjins effettivi. F’dan il-proġett approvat mill-Unjoni Ewropea se jkun hemm trejd unjins minn Malta, il-Polonja, it-Turkija, Spanja, l-Italja, is-Serbja, is-Slovenja, il-Belġju, ir-Rumanija u l-Ungerija. Proġett li se jieħu 20 xahar u li ngħata l-għotja ta’ €385,846.
L-għanijiet, ir-riżultati u l-katina ta’ azzjonijiet konġunti tal-proġett li jwasslu għall-kisba tal-għanijiet tal-proġett huma mibnija biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li jindirizzaw, fil-livell tal-UE/transnazzjonali, sfidi relatati mal-bidliet fl-impjiegi (b’enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni u bidliet li jakkumpanjawha), xogħol u djalogu soċjali u tisħiħ tal-imsieħba soċjali nazzjonali wara l-kriżi tal-Covid (f’dan ir-rigward ukoll enfasi partikolari fuq l-aċċelerazzjoni tal-proċessi tad-diġitilizzazzjoni wara t-tifqigħa tal-pandemija).
Permezz tal-iżvilupp ta’ network permanenti ta’ grupp ta’ uffiċjali trejdunjonistiċi fuq id-diġitalizzazzjoni, se jkun implimentat kors onlajn għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u rinfurzar tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-livell nazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema. Hawnhekk il-membri ta’ dan in-network se jkunu mħarrġa, se jiksbu għarfien distintiv tar-regolamenti kollha tal-UE dwar id-diġitalizzazzjoni, dwar il-proċessi, u se jiddiskutu bejniethom, kontinwament l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom filwaqt li jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bil-ħsieb li jindirizzaw l-isfidi l-ġodda u jittrasferixxu l-għarfien lill-organizzazzjonijiet tagħhom.
Il-proġett se jikkonċentra fuq rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiċi fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u kif dawn se jinfluwenzaw il-ħajja soċjali u ekonomika tal-ħaddiema (arranġamenti ta’ xogħol deċenti, dritt ta’ skonnettjar, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata eċċ.).
Se jiġu żviluppati pjan ta’ azzjoni u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, ibbażati fuq l-evidenza li jiffokaw fuq x’jistgħu jagħmlu t-trejd unjins biex fl-aħħar dawn ikunu jistgħu jagħtu framework agreement dwar id-diġitalizzazzjoni fil-prattika lill-Imsieħba Soċjali Ewropej.
Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU dejjem kien kommess li jħaddan aktar għarfien fil-ħaddiema membri sabiex dejjem jibqgħu jiżviluppaw għall-ħtiġijiet tal-lum. Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, sostna dak li qal Bugeja u li huwa permezz ta’ proġetti bħal dawn fejn tista’ ssir riċerka tajba li nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza tagħna u tal-oħrajn sabiex tassew ikollna taħriġ idonju.