Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-artiklu “€63,800 f’kumpens għal żewġ ħaddiema li tkeċċew inġustament” , is-Segretarju Internazzjonali tal-GWU Jason Deguara, li dak iż-żmien kien Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija, iddeskriva dawn is-sentenzi bħala turija tal-importanza li l-ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin.
“Illum hija rebħa kbira għall-GWU. Il-GWU rebħet żewġ kawżi fuq terminazzjoni ta’ xogħol ta’ żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu ma’ Trelleborg Sealing Solutions Malta Limited. Każ ilu għaddej, battalja legali ta’ 9 snin,” sostna Deguara. “Dħalna f’ħafna dettall. Illum nista’ ngħid li dawn il-ħaddiema rebħu bejniethom aktar minn €63,000 f’kumpens fuq tkeċċija inġusta. Dak juri l-importanza li ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin.”
Is-Segretarju Internazzjonali tal-GWU tenna jgħid li l-GWU ma taħdimx biss fejn jidħol il-ftehim kollettiv iżda tassisti wkoll lil dawk il-ħaddiema li jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ qtigħ il-qalb biex finalment dawn jieħdu dak kollu li hu dovut lilhom.
Tkellimna wkoll ma’ Luciano Callus, wieħed mill-ħaddiema li rebaħ l-akbar ammont ta’ kumpens b’rabta mat-tkeċċija inġusta li sofra, li ddeskriva s-sentenza bħala rebħa rebħa u li saret ġustizzja miegħu u ma’ sħabu.
“Sibna appoġġ kbir mill-GWU. L-avukati li pprovdewlna l-union baqgħu dejjem magħna tul dawn is-snin kollha. Il-GWU, bir-rappreżentant tagħha Jason Deguara, dejjem baqa’ jassistina. Flus mill-but ma ħriġniex anzi ħadna l-flus li kien ħaqqna bis-saħħa tal-GWU,” sostna Callus.
Source: inewsmalta.com