“Nisħqu fuq l-importanza li titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem”

28 Jul 2026 - Aħbarijiet | Ekonomija | Home | Is-Sezzjoni Internazzjonali | Politika | Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi | Taqsimiet

“Nisħqu fuq l-importanza li titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem”

Il-GWU f’laqgħa mal-Ministru Rosianne Cutajar

Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, enfasizzat l-importanza li Malta twaqqaf l-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li ddeskriviet il-laqgħa mal-General Workers’ Union (GWU) bħala waħda kostruttiva li matulha ġew diskussi diversi temi ta’ importanza nazzjonali.

“Iltqajna mal-membri tal-General Workers’ Union f’laqgħa kostruttiva, fejn flimkien iddiskutejna diversi temi importanti, fosthom l-abbozz ta’ liġi li għandu jwassal għat-twaqqif tal-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem,” qalet il-Ministru Cutajar.

Il-laqgħa kienet parti mis-sensiela ta’ laqgħat li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU qed tagħmel mal-Ministri tal-Kabinett u s-Segretarji Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li l-laqgħa saret fi spirtu ta’ djalogu miftuħ u kostruttiv, fejn ġew diskussi diversi suġġetti li huma ta’ interess kemm għall-Ministeru kif ukoll għall-Union.

Camilleri rrimarka li l-GWU tħares ‘il quddiem biex issaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-Ministeru, bil-għan li jitkompla x-xogħol favur il-ħarsien tad-drittijiet, l-ugwaljanza u l-ġid tal-ħaddiema.

F’isem il-GWU, għal din il-laqgħa attendew ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, u s-Segretarju Internazzjonali Robert Micallef.

« Back