Matul dawn l-aħħar sena u nofs, kulħadd għamel sagrifiċċji biex negħlbu din il-pandemija. Issa li qed nersqu lejn normalità ġdida billi ħafna nies qed joħorġu u l-attività ekonomika bdiet tirkupra bil-mod huwa importanti u essenzjali li nipproteġu dak li ksibna flimkien.
Għalhekk il-GWU tilqa’ l-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern speċjalment li kull min jiġi f’pajjiżna jrid bilfors ikollu ċertifikat tat-tilqim rikonoxxut. Għamilna wisq sagrifiċċji bħala Nazzjon biex ma nkunux kawti fil-ftuħ u r-rilaxx tal-miżuri. Tkun ħasra kbira li dak li ħdimna għalih flimkien, nitilfuh kollu f’daqqa. Issa li s-settur Turistiku beda jiftaħ, jeħtieġ nipproteġu s-saħħa ta’ kull ħaddiem u l-impjiegi, kemm dawk diretti kif ukoll dawk indiretti. Matul dan iż-żmien diffiċli, kull mument huwa wieħed kritiku, għalhekk huwa importanti li nkunu kawti, responsabbli u prudenti fl-għażliet tagħna.
Jekk dak li ksibna rridu nipproteġuh jeħtieġ li kull min jidħol Malta jkun vaċċinat. Iżda dan mhux biżżejjed anke aħna għandna nkunu dixxiplinati. Dan huwa l-mument li naħdmu biex nipproteġu t-telfien tal-ħajja, nipproteġu l-ħajja soċjali tagħna u l-ħajja ekonomika tagħna. Għalhekk il-GWU taqbel mal-miżuri mħabbra lbieraħ għax qed nipproteġu dak li ksibna flimkien.
Il-GWU tibqa’ wkoll tħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu l-vaċċin biex b’hekk nipproteġu lilna nfusna u lil dawk ta’ madwarna.