Latest News

Min aħna

ChiSiamoGWU

X’inhu l-irwol tal-General Workers’ Union?

Il-General Workers’ Union minn dejjem ħarset u ddefendiet l-interessi tal-ħaddiema. Fl-1943 kienet l-unika protezzjoni għall-impjegati kontra l-inġustizzji u l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol. Matul is-snin dejjem ħadmet id f’id mal-gvernijiet u l-entitajiet konċernati kollha biex dejjem tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

 

Għaliex il-General Workers’ Union?

Il-GWU qatt ma wriet diskriminazzjoni bejn individwi anzi aħna nemmnu fid-diversità u l-inklussività soċjali biex nibqgħu dejjem nevolvu. Kulturi differenti huma sfida interessanti ħafna għalina għax permezz tagħhom intejbu s-servizzi għall-membri tagħna. L-għan ewlieni tal-GWU minn dejjem kien illi nittrattaw lill-membri kollha b’mod ugwali mingħajr ebda distinzjoni.

Bħala organizzazzjoni favur il-ħaddiema l-mira tagħna hija illi nilqgħu kull membru li jkollu bżonn l-għajnuna irrelevanti l-industrija. Dan huwa possibbli għaliex bħala Union aħna naħdmu biex dejjem nestendu l-għarfien tagħna maż-żminijiet. Aħna l-akbar Union tal-ħaddiema f’Malta għax dejjem nevolvu skont in-natura tal-industriji u dejjem naħdmu biex nintroduċu kundizzjonijiet ġodda biex il-ħaddiema dejjem ikollhom bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħin personali tagħhom.

Din hija l-viżjoni li qed tkompli ttejjeb dak li diġà ksibna flimkien għalik!

Wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, rikonoxxut mill-parti l-kbira tad-dinja, hu li persuna tista’ tissieħeb jew tifforma assoċjazzjoni. Dan id-dritt hu garantit u protett minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-ILO, il-Kunsill tal-Ewropa u anke l-Unjoni Ewropea.

Il-General Workers’ Union hija l-akbar Trade Union f’Malta, b’aktar minn 46,000 membru minn oqsma differenti tax-xogħol. Kien fil-5 ta’ Ottubru tal-1943 li nħolqot din l-Union fejn din il-ġurnata għadha tkun iċċelebrata bħala l-Union Day. Iżda minkejja dak kollu li għadda minnu pajjiżna u l-isfidi li l-GWU dejjem iffaċċjat, xorta baqgħet it-tarka ewlenija tal-ħaddiema u s-saħħa ewlenija fil-qasam trejdunjonistiku ta’ pajjiżna.

Illum il-ġurnata, fil-kuntest soċjoekonomiku li qegħdin ngħixu fih, fejn anke l-mod kif jiġu impjegati l-ħaddiema nbidel, il-General Workers’ Union xorta għadha rilevanti għax irnexxielha tagħraf kif taġġorna ruħha.

Bi struttura deċentralizzata u permezz ta’ taħlita ta’ nies li huma ġejjin minn setturi differenti, il-General Workers’ Union baqgħet dinamika u timxi bl-istess pass mal-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li dejjem tħares ʼil quddiem, il-Union xorta tibqa’ tħaddan il-prinċipji oriġinali li nbniet fuqhom li tkun dik li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema.