Id-djalogu soċjali f’pajjiżna aktar kmieni ħa dimensjoni oħra meta għall-ewwel darba, il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – MCESD – ma saritx fejn il-Kunsill kien jiltaqa’ tradizzjonalment imma saret fil-kwartieri tal-General Workers Union.
… L-ewwel laqgħa se ssir illum fil-GWU
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għamel pass importanti fejn se jibda jiltaqa’ fil-kwartieri tal-imsieħba soċjali. L-ewwel laqgħa minn dawn se ssir illum fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta. Dan juri illi l-MCESD iddeċieda wkoll li joħroġ ‘il barra mill-post tradizzjonali fejn kienu jiltaqgħu. Il-Gvern stess kien ħa pass simili li jlaqqa’ l-Kabinett f’diversi postijiet u mhux bħalma kien isir qabel fil-Berġa ta’ Kastilja biss. B’hekk dawn il-laqgħat ingħataw aktar xeħta pubblika.
Għas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, dan il-pass juri sinjali ta’ għaqda fost l-imsieħba soċjali li jibdew jiltaqgħu għand xulxin. “Sinjal li juri l-għaqda li hemm bejn l-imsieħba soċjali sabiex naħdmu flimkien u naraw dak kollu li jeħtieġ li jsir għall-ġid tas-soċjetà tagħna u biex nimxu aktar ‘il quddiem,” qal Bugeja.
Huwa qal li din tal-lum se tkun l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha iżda fiż-żmien li ġej se jkunu qegħdin isiru aktar laqgħat tal-MCESD għand imsieħba soċjali oħrajn. B’hekk, kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, qed jintbagħat sinjal b’saħħtu ta’ kemm id-djalogu soċjali f’Malta huwa ħaj u anke dwar l-importanza tal-MCESD biex ikun ippjanat l-iżvilupp tal-pajjiż u jiġu implimentati policies li hemm il-ħtieġa tagħhom.
Fuq l-aġenda fil-laqgħa tal-lum se jkun hemm diskussjoni dwar l-akkwist pubbliku (public procurement) tal-Gvern u dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet. Huwa mifhum li din tal-aħħar hija ħafna għal qalb il-GWU minħabba li tkopri l-ħiliet, kompetenzi u għarfien min-naħa tal-ħaddiema u l-opportunitajiet ta’ xogħol li qed jinħolqu fl-ekonomija tagħna sabiex dawn jiġu mimlija.
Tant hu hekk, li l-GWU ssostni li m’għandniex nikellmu aktar fuq impjiegi imma fuq karriera billi d-dinja tax-xogħol qed tinbidel kontinwament l-aktar minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija, li qed iġibu d-dinja tax-xogħol ma tingħarafx minn dak li kienet ftit snin ilu.