Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid għall-piloti ta’ Challenge Air Cargo Limited

23 Oct 2026 - Aħbarijiet | Ftehim Kollettiv | Home | Marittima u Avjazzjoni | Taqsimiet

Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid għall-piloti ta’ Challenge Air Cargo Limited

Piloti bbażati f’diversi pajjiżi Ewropej jagħżlu lill-GWU biex tirrappreżentahom

Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid ma’ Challenge Air Cargo Limited, li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji tal-piloti impjegati mal-kumpanija.

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU, Jurgen Azzopardi, spjega li dan il-ftehim huwa riżultat tal-ħidma li saret wara li l-GWU kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali bħala t-trade union li tirrappreżenta lill-piloti tal-kumpanija.

Huwa fakkar li dawn il-piloti, li jaħdmu f’diversi pajjiżi Ewropej, għażlu lill-GWU biex tirrappreżentahom u tħares l-interessi tagħhom.

Azzopardi sostna li l-ftehim il-ġdid jirrifletti l-impenn tal-GWU li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tal-avjazzjoni. Fost it-titjib miksub hemm pagi aħjar, titjib fil-ħinijiet tax-xogħol u benefiċċji oħra li se jkomplu jsaħħu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-piloti.

Huwa rringrazzja lill-kumitat rappreżentattiv tal-piloti u lill-maniġment tal-kumpanija għall-kooperazzjoni u l-impenn tagħhom matul il-proċess tan-negozjati, li wassal għall-konklużjoni b’suċċess ta’ dan il-ftehim.

Il-Ftehim Kollettiv ġie ffirmat fil-binja tal-GWU fil-Belt Valletta mis-Segretarju tat-Taqsima, Jurgen Azzopardi, f’isem il-GWU, flimkien mar-rappreżentanti tal-piloti Philip Holem u John Dooley.

F’isem Challenge Air Cargo Limited, il-ftehim ġie ffirmat mill-Group CEO, Yosi Shoukroun, u mill-Group CFO, Daniel Ganem.

Il-GWU ttenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem favur kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, pagi xierqa u benefiċċji aħjar għall-ħaddiema li tirrappreżenta, filwaqt li ssaħħaħ id-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali fis-settur tal-avjazzjoni.

« Back