“L-isfera internazzjonali għandha tibqa’ tingħata prijorità għall-ġid tal-ħaddiema”

28 Jul 2026 - Aħbarijiet | Ekonomija | Home | Is-Sezzjoni Internazzjonali | Politika | Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi | Taqsimiet

“L-isfera internazzjonali għandha tibqa’ tingħata prijorità għall-ġid tal-ħaddiema”

Il-GWU f’laqgħa mal-Ministru Chris Fearne

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, sostna li l-ħidma fuq livell internazzjonali għandha tibqa’ prijorità, sabiex l-esperjenzi, il-politiki u l-aħjar prattiki li jiġu żviluppati barra minn Malta jkunu jistgħu jissarrfu f’benefiċċji konkreti għall-pajjiż u għall-ħaddiema Maltin.

Dan qalu wara laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kellha mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne. Il-laqgħa kienet parti mis-sensiela ta’ laqgħat li l-GWU qed tagħmel mal-Ministri tal-Kabinett u s-Segretarji Parlamentari.

Camilleri qal li l-GWU u l-Ministeru jaqsmu l-istess viżjoni dwar l-importanza li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni f’fora internazzjonali u li Malta tibqa’ vuċi attiva fid-diskussjonijiet li jolqtu lid-dinja tax-xogħol.

Huwa spjega li matul il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom is-settur marittimu, id-diplomazija, kif ukoll il-ħidma mwettqa fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC). Camilleri rrimarka li dawn id-diskussjonijiet juru l-importanza li l-Ministeru jagħti lir-rwol tat-trade unions fil-livell internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Fearne enfasizza li s-solidarjetà internazzjonali bejn il-ħaddiema hija kruċjali. Huwa sostna li aktar ma t-trade unions ikunu magħquda, mhux biss f’Malta iżda wkoll fl-Ewropa u f’reġjuni oħra tad-dinja, aktar ikunu jistgħu jsaħħu l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u jindirizzaw sfidi komuni.

Il-Ministru Fearne qal li kien ta’ sodisfazzjon għalih li jiltaqa’ mat-tmexxija tal-GWU sabiex jiddiskutu kif il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat tista’ tkompli tissaħħaħ, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, fil-Mediterran u f’fora internazzjonali oħra.

F’isem il-GWU, għal din il-laqgħa attendew ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, u s-Segretarju Internazzjonali Robert Micallef.

« Back