Sikwit nisimgħu bil-kelma meritokrazija. Il-politiċi jużawha biex isawtu lil xulxin, f’dibattiti jaħarqu dwar in-neputiżmu u l-klijenteliżmu fil-politika. Is-soċjetà ċivili ma toqgħodx lura minn dan id-dibattitu, u spiss tikkritika lill-klassi politika b’abbuż ta’ poter, meta l-politiċi jpoġġu l-lealtà politika u l-interessi elettorali qabel il-mertu.
Ħafna jassumu li l-mertu huwa fenomenu purament personali; taħlita ta’ talent naturali, motivazzjoni, aspirazzjoni u ħidma iebsa mill-persuna. B’dan ir-raġunament, il-persuna titqies bħala responsabbli kompletament għall-avvanzi tagħha fil-ħajja u, allura, meta l-persuna ma tasalx, il-ħtija bilġri tintefa’ fuqha.
F’karriera professjonali li tgħodd tlieta u tletin sena ltqajt ma’ ħafna nies li jsostnu li bl-opportunitajiet li hawn, il-persuna taqa’ lura jew ma tirnexxix għax għandha attitudni żbaljata, għax hi traskurata jew għax qatt ma tat kas. Il-kaxxa tat-timbri hija mimlija kundanni u spjegazzjonijiet nofs kedda għaliex in-nies ma jirnexxux fit-tiġrija tal-ħajja; spjegazzjonijiet li bi ftit melħ u għaqal intellettwali wieħed għandu jinduna li mhux kulħadd jibda l-ħajja fuq l-istess linja, u lanqas ikompliha bl-istess privileġġi u mezzi.
Il-mertu għandu kuntest. Il-kuntest qatt ma jista’ jkun newtrali, u daqskemm jillibera u jemanċipa jista’ jgħassar u jillimita. Għalhekk, ikun żball li nużaw il-kelma meritokrazija mingħajr ma nifhmu l-limitazzjonijiet tagħha.
Storikament, f’ambjenti liberali l-kunċett tal-meritokrazija mhux biss ma ġabx ġustizzja, iżda kien kultant strumentali biex jipperpetwa l-inġustizzja soċjali. Fil-qasam edukattiv, kienu ħafna madwar id-dinja li għax infetħu l-bibien tal-iskejjel b’xejn, żvilupp storiku mill-aktar importanti, ħasbu li solvew l-isfida tal-aċċessibilità, u serrħu moħħhom u l-kuxjenza li kienu wettqu l-proġett tal-ekwità soċjali. Qabblu l-politika tal-opportunitajiet għal kulħadd ma’ bibien miftuħa beraħ għal kull min irid jidħol. Ikkundannaw bħala falluti lil dawk li f’għajnejhom ma ridux jidħlu mill-bibien li nfetħu. Ħalltu l-kunċett ta’ opportunitajiet għal kulħadd mal-meritokrazija, u sostnew li kull min ried, irnexxa, u kull min irnexxa, skont il-liġi tal-meritokrazija, jistħoqqlu l-privileġġ li jkun hu minn tal-ewwel li jaqta’ frott il-ħidma. Użaw lil dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati u rnexxew biex isaħħu l-idea li r-rieda tiżboq l-ambjent u taqbeż kull xatba jew ħajt li l-ħajja taf ittella’, filwaqt li injoraw il-miljuni madwar id-dinja, li ġejjin mill-istess ambjenti diffiċli, li ġew skartati mill-proċess edukattiv u mis-soċjetà. Fid-dinja tal-ħolm u l-opportunitajiet, kollox jiddependi mill-persuna, id-determinazzjoni tagħha, u kemm trid timxi u tirnexxi.
Miljuni belgħu l-lixka li moħħhom ma jtihomx, li l-iskola għamlet li setgħat u huma rrifjutaw l-offerta, li d-destin tagħhom kien miktub biex iseftru, u li allaħares kulħadd jitgħallem l-iskola għax kieku ħadd ma jagħmel ċertu xogħol. Gideb li eluf f’pajjiżna emmnuh, aċċettawh u għamluh il-konsolazzjoni ta’ ħajjithom. Gideb li semgħuh minn kullimkien. Emmnut, għax intqal minn adulti li t-tfal u ż-żgħażagħ fdaw u qiesu bħala l-mudelli ta’ ħajjithom. Adulti sinifikanti li ladarba d-diskors smajtu mingħandhom tul il-formazzjoni tiegħek, sinjal li hemm xi verità fih. Hekk kif dan id-diskors jitwemmen, x’aktarx jibqa’ l-kmandament li jsawwar u jmexxi.
Fl-edukazzjoni, il-meritokrazija ħafna drabi tinjora l-fatt li hemm rabta bejn il-mezzi tal-familja u s-suċċess akkademiku. Statistikament, Malta għandha waħda mill-aktar rabtiet sodi f’dan ir-rigward. Il-kapital ekonomiku tal-familja, flimkien ma’ dak soċjali u kulturali, għadhom jagħmlu differenza kbira fis-suċċess skolastiku tat-tfal, għalkemm mhux dejjem huwa l-każ. Il-fatt li tfal u żgħazagħ minn ambjent soċjo-ekonomiku baxx huma daqstant rappreżentati fl-istatistika ta’ tfal li jispiċċaw l-iskola mingħajr ħiliet bażiċi, fl-istatistika ta’ żgħazagħ li la qegħdin fl-edukazzjoni u lanqas fit-taħriġ, u fil-lista ta’ adulti ħaddiema b’ħiliet baxxi, prekarji u qrib il-linja tal-faqar, huma kollha indikazzjonijiet ta’ kemm is-suċċess edukattiv huwa ħafna akbar mir-rieda tal-persuna, u ta’ kemm il-meritokrazija u l-assunzjonijiet tagħha huma dubjużi. Il-fatt li numru ta’ pajjiżi rnexxielhom iċekknu din ir-rabta, bejn is-suċċess akkademiku u l-isfond tal-familja, juri li m’hemm xejn naturali f’din il-korrelazzjoni, u li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ suċċess ma niskopruhomx biss bit-tfittxija għad-defiċjenzi fil-persuna, iżda b’riflessjoni kritika tal-istrutturi tas-soċjetà, tal-investimenti li nagħmlu, tal-kwalità tas-servizzi li noffru, tal-aċċessibilità u l-prontezza tal-istess servizzi, tal-ħidma mal-familji u fil-komunità, u tal-istennijiet u l-attitudnijiet kollettivi tagħna. Riflessjoni kritika li dejjem trid tkun imwaħħda ma’ impenn lejn azzjoni effettiva, kirurġika u effiċjenti.
Biex nagħrfu tassew il-limitazzjonijiet tal-kunċett tal-meritokrazija, irridu nifhmu li hemm differenzi kbar fiċ-ċirkustanzi li jistgħu jxekklu (jew jgħinu) s-suċċess. Per eżempju, hemm differenza bejn tfal li jgħixu f’familji li kull ġurnata hija battalja minħabba s-sitwazzjoni ekonomika prekarja, effett ta’ problemi li jvarjaw minn problemi ta’ saħħa mentali u diżabilità severa għal problemi ta’ housing jew vizzju, u tfal li jgħixu f’familja ekonomikament b’saħħitha, soċjalment konnessa u b’ġenituri bi sfond edukattiv qawwi u ffokati fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Kif nistgħu nitkellmu dwar meritokrazija u ngħaqqdu l-mertu esklussivament mal-isforz personali meta hawn tant persuni li b’mod strutturat jibqgħu fil-qiegħ? Kif nistgħu nitkellmu fuq meritokrazija u nħarsu lejn il-ħajja bħala kompetizzjoni purament personali, meta d-differenzi soċjali, ekonomiċi u kulturali għadhom daqshekk kbar?
Il-pandemija kompliet tikxef dawn id-differenzi. Fil-qasam edukattiv, meta l-pandemija sfurzat l-għeluq tal-iskejjel, it-tfal, aktar minn qatt qabel, ġew dipendenti fuq il-mezzi tal-familja. Mir-riċerka lokali u internazzjonali ta’ dawn l-aħħar xhur, kollox qiegħed jindika li l-kapital ekonomiku tal-familja, li jissarraf f’riżorsi edukattivi fid-dar, spazju biex it-tfal jistudjaw fil-kwiet, u ġenituri preżenti li għandhom ir-rieda, il-ħin u l-ħila li jgħinu lil uliedhom, ħallew impatt qawwi fuq il-ħajja edukattiva tat-tfal. Għal dawk li jridu jaraw, il-pandemija wrietna kemm hawn tfal u familji dipendenti fuq l-Istat u l-għaqdiet karitattevoli biex jieklu. L-imxija wkoll tefgħat dawl fuq il-qasma diġitali u fuq l-isfida tal-housing. Il-COVID-19 urietna kemm hawn tfal li l-ebda radar edukattiv jew soċjali ma jaqbad.
Il-pandemija kellha tkun mument ta’ riflessjoni, fejn l-imsieħba mill-oqsma kollha, b’interess fl-ekwità soċjali, jiġu flimkien biex jirriflettu dwar kif il-pajjiż jista’ jnaqqas id-distakk soċjali u ekonomiku u jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali. Din ir-riflessjoni saret fil-qasam tal-politika soċjali.
Fl-edukazzjoni dan se jsir nhar il-ħdax ta’ Marzu, fuq stedina tal-GWU. Numru ta’ kelliema minn oqsma differenti tal-operat edukattiv, mit-tfulija bikrija għall-edukazzjoni ogħla, se ninġabru biex niddiskutu kif il-qasam edukattiv qiegħed iwieġeb għas-sejħa ta’ aktar ekwità f’pajjiżna, u nistaqsu lil xulxin x’nistgħu nagħmlu aktar fil-qasam edukativ biex id-differenzi soċjali ma jkomplux joktru.