Latest News
Portomaso

Kompożizzjoni Organizzattiva

Kungress Nazzjonali

L-Istatut tal-General Workers’ Union jidentifika l-Kungress Nazzjonali bħala l-ogħla organu fil-GWU. Il-Kungress Nazzjonali jitlaqqa’ kull erba’ snin u huwa l-fora li fih id-Delegati jiddiskutu, jiddeċiedu u jadottaw il-politika tal-GWU għall-ġejjieni. Il-Kungress Nazzjonali jeleġġi wkoll l-Amministrazzjoni Ċentrali u s-Segretarju Internazzjonali.

Kunsill Nazzjonali

Il-Kunsill Nazzjonali huwa l-organu tat-tmexxija tal-Union. Dan hu kompost mill-Amministrazzjoni Ċentrali, is-Segretarji tat-Taqsimiet kif ukoll rappreżentanti mill-istess taqsimiet. Kemm l-Għaqda tal-Pensjonanti kif ukoll il-GWU Youths huma rappreżentati fih bi dritt tal-vot waqt il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Amministrazzjoni Ċentrali

Il-membri tal-Amministrazzjoni Ċentrali huma eletti mill-Kungress Nazzjonali għal terminu ta’ erba’ snin. L-Amministrazzjoni Ċentrali li hi l-organu eżekuttiv tal-GWU u hija magħmula mill-President, is-Segretarju Ġenerali u d-Deputat Segretarju Ġenerali. L-Amministrazzjoni Ċentrali hija wkoll membru ex-officio tal-Kunsill Nazzjonali.

Konferenzi Ġenerali Kwadriennali tat-Taqsimiet

Kull erba’ snin isiru l-Konferenzi Ġenerali Kwadriennali tat-Taqsimiet. Qabel il-Konferenza Nazzjonali tat-Taqsima ssir sejħa għal mozzjoni u għal nominazzjonijiet għall-uffiċjali u membri biex jifforma l-Kumitat Eżekuttiv tat-Taqsima għal erba’ snin.
Filwaqt li s-Segretarji tat-Taqsimiet jiġu maħtura kull erba’ snin mill-Konferenza tat-Taqsimiet rispettivi tagħhom, is-Segretarju Internazzjonali jinħatar kull erba’ snin mill-Kungress Nazzjonali.
It-tmien Taqsimiet tal-GWU huma mmexxija b’mod distint mill-Kumitati Eżekuttivi tagħhom li huma magħmula minn President, Viċi President, Segretarju, Assistent Segretarju u minn numru ta’ membri tal-Kumitat Eżekuttiv tat-Taqsimiet rispettivi tagħhom.
Skont l-Istatut il-Kumitati Eżekuttivi għandhom isejħu mill-anqas 12-il laqgħa kull sena (preferibbli kull xahar) jew kif ikun meħtieġ sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet li jinħolqu, xi ċirkostanzi straordinarji kif ukoll tkun diskussa t-tmexxija tas-sezzjoni.
Is-Segretarju tat-Taqsima huwa responsabbli mit-tmexxija tat-Taqsima u jokkupa din il-kariga fuq bażi ta’ full-time, filwaqt li l-kumplament tal-uffiċjali eletti ta’ kull sezzjoni huma fuq bażi part-time.

Delegati

L-imsieħba tal-GWU ikunu mqassma f’kull Taqsima fi gruppi li minnhom jintagħżlu d-delegati biex jirrappreżentawhom fil-Konferenzi Ġenerali tat-Taqsima u fil-Kungress Nazzjonali tal-Union. Id-delegati huma eletti kull erba’ snin waqt il-laqgħat ġenerali tal-gruppi fejn dawn jitmexxew mill-Amministrazzjoni tat-Taqsima rispettiva. Huma jirrappreżentaw gruppi differenti ta’ ħaddiema membri fil-GWU. Huma jaħtru l-uffiċjali tal-Union fejn flimkien mal-Kungress Nazzjonali taqa’ r-responsabbiltà għall-aħjar tmexxija tal-GWU.

Sħubija

Il-GWU tilqa’ fi ħdanha u hija miftuħa għall-ħaddiema kollha irrispettivament mill-istatus tagħhom, orjentazzjoni sesswali, reliġjon, paga jew salarju. Il-Pensjonanti u ż-Żgħażagħ jistgħu wkoll jissieħbu fil-Union permezz tal-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom. Il-membri tal-Union jagħmlu parti minn segretarjat kummerċjali differenti skont il-professjoni, is-settur u l-kummerċ tagħhom.

DeLaRue  1024x200