Victor Carachi – President tal-GWU
Il-Bank Dinji dan l-aħħar wissa lill-Banek Ċentrali ewlenin li billi jgħollu r-rati tal-imgħax fl-istess waqt biex jiġġieldu l-inflazzjoni, id-dinja tista’ tkun qed tersaq eqreb lejn riċessjoni globali. Il-President tal-Bank Dinji, David Malpass, żied jgħid li “dawk li jfasslu l-politika għandhom iċaqilqu l-attenzjoni tagħhom minn fuq it-tnaqqis tal-konsum sabiex tingħata spinta lill-produzzjoni, inklużi sforzi biex jiġġeneraw investimenti addizzjonali u gwadanji fil-produttività”.
Il-messaġġ huwa ċar, iż-żieda fir-rati tal-imgħax biex tiġi miġġielda ż-żieda fl-inflazzjoni se toħloq aktar problemi għall-ekonomija globali peress li se jkollha impatt drastiku fuq it-tkabbir. Is-soluzzjoni hi t-tkabbir tal-produttività, spinta lill-kompetittività permezz tal-investiment biex jiġi ġġenerat aktar tkabbir jekk l-ekonomija globali trid tkun kapaci tilqa’ għall-maltemp li kien ikkawżat mill-pandemija u issa l-gwerra fl-Ukrajna.
Malta mhijiex eċċezzjoni. L-ekonomija miftuħa tagħna hija vulnerabbli għal xokkijiet esterni u jekk l-ekonomija globali taqa’ f’riċessjoni, żgur li se jkollha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet u s-servizzi tagħna. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-kisbiet tagħna u ma nagħmlu xejn, għall-kuntrarju rridu nagħmlu aktar! Il-gvern qed itaffi l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija, tal-gass u tal-fjuwils fil-pompa. Dan żgur qed jgħin il-kompetittività tagħna mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħna u fl-istess ħin jgħin familji biex ilaħħqu mal-ħajja.
Madankollu, il-kompetittività ma tfissirx sempliċiment li tikkontrolla l-ispejjeż, jew li tikkontrolla l-pagi kif jaħsbu xi impjegaturi. Il-kompetittività tinvolvi wkoll li l-prodotti jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijent, ir-riċerka kontinwa tas-suq u l-iżvilupp, l-investiment, u li l-prodotti u s-servizzi jkunu ta’ kwalità tajba. L-eżempju klassiku ta’ kif dan jista’ jinkiseb huwa l-industriji Ġermaniżi tal-karozzi jew tal-white goods.
Filwaqt li l-prodotti tagħhom jiswew aktar minn dawk tal-kompetituri taghhom, xorta jirnexxilhom ibiegħu l-prodotti tagħhom u jħallsu pagi tajbin lill-impjegati tagħhom. L-istess jista’ jingħad għall-prodotti Ġappuniżi. Iż-żewġ pajjiżi bnew reputazzjoni globali eċċellenti għall-kwalità tal-prodotti tagħhom tant li l-konsumaturi huma lesti li jħallsu tajjeb għalihom.
Fir-rigward tal-prodott turistiku tagħna għad fadal xi jsir biex inħajru aktar turisti ta’ 5 stilel lejn xtutna. L-MTA trid tkun imfaħħra talli fasslet pjan biex jintlaħaq dan l-għan, iżda l-MTA ma tistax tagħmlu waħedha. Il-pajjiż kollu huwa l-prodott turistiku tagħna mhux biss il-lukandi jew ir-ristoranti ta’ 5 stilel u s-servizz li jipprovdu.
Dak li l-pajjiż jeħtieġ biex jibda jindirizza dawn il-kwistjonijiet huma Viżjoni Ħolistika u Pjan Strateġiku li jmorru lil hinn mill-manifesti elettorali għall-10-15-il sena li ġejjin li jkopru s-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija tagħna, l-ambjent, it-trasport, l-edukazzjoni u s-saħħa.
Il-viżjoni għandha tkun li pajjiżna jkun minn ta’ quddiem fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, u dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ ekonomija b’saħħitha u sostenibbli, edukazzjoni u saħħa tal-ewwel klassi b’rispett totali għall-ambjent. Il-kwalità tal-ħajja tpoġġi l-benesseri ekonomiku u stil ta’ ħajja sana fuq l-istess livell.
Ladarba l-viżjoni u l-istrateġija jiġu approvati mill-imsieħba soċjali kollha, għandha tiġi identifikata entità li timmaniġġja l-koordiazzjoni u l- implimentazzjoni bejn diversi dipartimenti tal-gvern, entitajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra biex tiżgura li l-implimentazzjoni tkun suċċess.
Jekk irid ikollna ekonomija u kompetittiva sostenibbli, rridu nippjanaw bil-quddiem bħala pajjiż. Il-partijiet kollha interessati, fosthom il-komunità tan-negozju, it-trejd unjins, l-NGOs u l-pubbliku ġenerali għandhom ikunu jafu fejn sejjer il-pajjiż u kif u meta se naslu!