Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja faħħar l-investiment multi-miljunarju f’kampus ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fi Smart City, il-Kalkara, u saħaq li bħala GWU dejjem emmnu fit-taħriġ u l-kwalità tal-ħajja tal-impjegati.

Is-Sur Bugeja nnota li dan l-investiment se jagħti aktar opportunitajiet lill-istudenti tagħna li jkunu qed jistudjaw fis-settur turistiku. Tkellem ukoll fuq il-bżonn ta’ ‘re-skilling’ u ‘up-skilling’ tal-istudenti biex is-servizz mogħti jkun tassew ta’ kwalità.

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-investiment, li sostna li qed ikompli jiżdied f’dan is-settur.
“L-ITS hija entità ħabrieka. Istituzzjoni edukattiva oħra li għandna bżonn bħala Malta. Permezz ta’ dan il-kampus nitamaw li naraw il-ħaddiema membri tagħna jkomplu jiġu rikonoxxuti għax-xogħol li qed iwettqu b’tant qalb u dedikazzjoni biex inkomplu nsaħħu l-ekonomija tagħna u dejjem nattiraw aktar turisti u r-residenti Maltin jingħataw servizz aħjar f’dan is-settur,” qal is-Sur Bondin.