Bħalissa l-Korp tal-Pulizija jinsab għaddej minn diversi riformi li qed ikomplu
jġibu l-benesseri tal-uffiċjali bħala prijorità. Impenn li jkompli joffri kumdità,
sigurtà u avvanzi għal ħidma aħjar.
Waqt diskussjoni dwar il-Korp tal-Pulizija fi programm radjofoniku, nhar is-Sibt
13 ta’ Awwissu 2022, il-mistednin, Raymond Zammit, President tal-Police Officers
Union fi ħdan il-General Workers’ Union, flimkien mal-Viċi President, Steve
Spiteri, Emanuel Psaila, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà
Nazzjonali, Riformi u Ugwaljanza, kif ukoll Stefania Sgandurra, Direttur Ġenerali
fil-Korp tal-Pulizija, spikkat l-importanza tal-unions tal-pulizija u l-irwol tagħhom
fit-tiġdid li qed isir fil-Korp, inkluż l-introduzzjoni tal-body cams, kif ukoll il-ħlas
għal extra duties li nħadmu fil-passat, u l-introduzzjoni tal-uniformi l-ġdida li
għandha tipprovdi aktar kumdità u sigurtà lill-membri tal-Korp.
Iż-żewġ rappreżentanti tal-POU faħħru lill-amministrazzjoni tal-Korp li llum qed
taddotta sistema ta’ ħlas fil-pront għal kwalunkwe overtime u extra duty li
jinħadmu mill-uffiċjali tal-Korp u rrikonoxxew il-fatt li għall-ewwel darba l-
membri tal-Korp tħallsu fi żmien xahrejn għas-sahra maħduma matul l-elezzjoni
ġenerali u l-miġja tal-Papa ġewwa pajjiżna.
L-uffiċjali tal-POU faħħru l-impenn tal-Korp li kulma jmur qed ikompli jġib il-
benesseri tal-uffiċjali bħala prijorita u rrikonoxxew l-avvanzi kbar li saru fir-
rigward tas-sentry boxes fejn illum dawn huma mgħammra b’arja kundizzjonata.
Issemmew ukoll punti oħra bħall-fatt li pulizija nisa li jirritornaw wara l-leave tal-
maternita ma jitilfux il-post fejn kienu stazzjonati.
Filwaqt li sostnew li għad fadal xi jsir biex ikomplu jtejbu l-ambjent li jaħdmu fih
il-membri tal-Korp, il-POU hija kommessa li tibqa’ taħdem id f’id mal-
amministrazzjoni tal-Korp sabiex ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-pulizija għall-
Korp tal-Pulizija aktar effettiv.