
Il-GWU: Kundizzjonijiet aħjar jgħinu lill-ħaddiema u jsaħħu l-ekonomija
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tax-Xogħol Deċenti, li jiġi ċċelebrat fis-7 ta’ Ottubru, il-General Workers’ Union (GWU) tisħaq li Ewropa aktar kompetittiva trid tinbena fuq impjiegi tajbin, pagi ġusti u kundizzjonijiet li jagħtu lill-ħaddiema sigurtà u opportunitajiet biex jimxu ’l quddiem.
Din is-sena l-ġurnata qed titfakkar hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji l-Quality Jobs Act, li mistenni jitressaq sal-aħħar tas-sena.
Iċ-ċifri juru li l-kwalità tal-impjiegi għandha rabta diretta ma’ wħud mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa. Fis-setturi li qed isibuha l-aktar diffiċli biex jattiraw ħaddiema, il-pagi huma bħala medja 9% inqas minn dawk f’setturi li għandhom inqas problemi biex isibu nies għax-xogħol.
It-taħriġ jibqa’ sfida wkoll. 39.5% biss tal-ħaddiema għandhom aċċess għal taħriġ, meta l-mira Ewropea hija ta’ 60%. Fejn hemm ftehimiet kollettivi, l-opportunitajiet huma aħjar, tant li 66% minnhom jinkludu dritt għat-taħriġ.
Għalhekk, il-GWU qed tappoġġja s-sejħa tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) biex il-Quality Jobs Act iwassal għal bidliet reali fuq il-postijiet tax-xogħol u ma jibqax biss fuq rakkomandazzjonijiet.
Fost il-prijoritajiet hemm regoli ċari dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, aktar protezzjoni għas-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema, aktar ħarsien għal dawk li jaħdmu mal-kuntratturi, kif ukoll id-dritt li l-ħaddiema jaqtgħu mix-xogħol wara l-ħin tax-xogħol.
Il-GWU tisħaq ukoll fuq l-importanza tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, speċjalment fi żmien meta t-teknoloġija u l-mod kif naħdmu qed jinbidlu b’pass mgħaġġel.
Ewropa ma ssirx aktar kompetittiva billi tnaqqas il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Bil-kontra, ħaddiema li jitħallsu b’mod ġust, ikollhom sigurtà, taħriġ u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma parti essenzjali minn ekonomija aktar produttiva u sostenibbli.
Ix-xogħol deċenti għandu jfisser ħajja deċenti – b’paga ġusta, sigurtà fuq ix-xogħol u ħin għall-familja u għall-ħajja privata.












