Min aħna?
Il-General Workers’ Union hija l-akbar Trade Union f’Malta, bl-akbar ammont ta’ membri li ġejjin minn kull settur tal-ekonomija. Matul iż-żminijiet Malta affaċċjat ħafna sfidi u l-GWU xejn anqas. Però l-Union minn dejjem tat prijorità lill-għan ewlieni tagħha illi dejjem iġġib l-interess tal-ħaddiema l-ewwel u qabel kollox u tagħtihom vuċi. Huwa minħabba f’hekk baqgħet dejjem tevolvi u tikber.
X’inhu l-irwol tal-General Workers’ Union?
Il-General Workers’ Union minn dejjem ħarset u ddefendiet l-interessi tal-ħaddiema. Fl-1943 kienet l-unika protezzjoni għall-impjegati kontra l-inġustizzji u l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol. Matul is-snin dejjem ħadmet biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kemm fil-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll barra l-post tax-xogħol. Mhux dejjem kien faċli. Kien hemm mumenti meta l-ħaddiem kellu joħroġ fuq strajk biex it-talbiet ġustifikati tiegħu jiġu milqugħa. Kien hemm okkażjonijiet oħra fejn kellu jinżel fit-triq biex il-vuċi tiegħu tasal għand l-awtoritajiet. Irwol ieħor tal-General Workers’ Union fuq skala Nazzjonali huwa dak ta’ sħab soċjali ewlieni bil-għan li tħalli impatt pożittiv fis-soċjetà Maltija.
Kif bdiet il-GWU?
Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija Malta kienet kolonja tal-Ingliżi u minħabba l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha aħna servejna bħala l-bażi militari għall-qawwa tal-arju u tal-flotta Brittanika. Dan kollu ġab ħafna xogħol fil-gżira tagħna. Però sfortunatament il-Maltin ma kinux stmati tajjeb u kienu qegħdin ibatu l-faqar. Reggie Miller kien issuġġerrixxa li l-ħaddiema għandhom jingħaqdu f’Union biex itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom. Dak kien il-bidu tal-General Workers’ Union illi nafu biha llum.
Kif evolvejna?
Bħala organizzazzjoni favur il-ħaddiema l-mira tagħna dejjem kienet illi nilqgħu kull individwu illi jkollu bżonn l-għajnuna tagħna. Dan kien possibbli għaliex bħala Union aħna ħdimna biex nibqgħu nestendu l-għarfien tagħna skont iż-żminijiet. Aħna bqajna nikbru għaliex bqajna nevolvu skont in-natura tal-industriji u ħdimna biex nibqgħu dejjem nintroduċu drittijiet ħodda biex il-ħaddiema ikollhom bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħin personali tagħhom.
Bħalissa qegħdin naħdmu bla waqfien sabiex Malta ddaħħal il-liġi l-ġdida tad-dritt li taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol (the right to disconnect), paga ugwali għal xogħol tal-istess valur, id-direttiva dwar il-bilanc bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, living income, pay transparency, differenza fil-pagi bejn is-sessi (gender pay gab) u nimmitigaw l-effett tal-Covid fuq il-ħaddiema. Aħna dejjem emminna li biex il-ħaddiema jagħtuk l-aħjar xogħol possibbli jridu jkunu motivati u jipparteċipaw b’mod sħiħ fit-tmexxija. Matul is-snin il-GWU żiedet ħafna drittijiet lill-ħaddiema u tibqa’ dejjem taħdem biex ittejjeb il-ħajja tagħhom. Il-Union tisħaqq illi l-ħaddiema għandhom bżonn il-mistrieħ biex ikollhom l-enerġija jagħmlu xogħolhom b’determinazzjoni u responsabbiltà.
Is-sezzjonijiet
Bħalma diġà semmejna l-GWU baqgħet tevolvi għaliex dejjem rat kif iż-żminijiet qegħdin jinbidlu. Il-GWU tikkonsisti minn diversi sezzjonijiet li jirrappreżentaw setturi tal-ekonomija Maltija. Kull sezzjoni għandha Segretarju illi huwa responsabbli mis-sezzjoni tiegħu u mill-industriji li jaqgħu taħt l-istess sezzjoni. Il-GWU tikkonsisti minn tminja (8) taqsimiet; Kimika u Enerġija, Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, Marittima u Avjazzjoni, Ospitalità u Ikel, Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi, Metall u Kostruzzjoni, u Professjonisti, Finanzi u Servizzi. Apparti minn hekk fi ħdan il-GWU hemm żewġ għaqdiet tal-Pensjonanti u taz-Żgħażagħ għaliex kull individwu għandu d-dritt illi jkun protett u jekk għandu bżonn is-sapport jaf fejn għandu jirrikorri. Il-Union toffri servizz aħjar għandna wkoll uffiċċju ġewwa Għawdex biex il-membri tagħna jinqdew aħjar. Għandha wkoll Segretarju Internazzjonali li jirrappreżenta l-GWU fl-Istuzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-GWU, kemm bħala organizzazzjoni sħiħa, kif ukoll kull din l-istess taqsima huma rrappreżentati fuq livell Ewropew u Internazzjonali. Barra minn hekk, minħabba li l-akbar komunità mill-Ewropa, hija dik Taljana ħloqna punt ta’ kuntatt bi sħab ma’ CGIL biex inkunu nistgħu nagħtu servizz lill-ħaddiema Taljani li jaħdmu u jgħixu Malta.
Kif taħdem?
Jekk għandek ʼil fuq minn 16-il sena tista’ tissieħeb fil-General Workers’ Union billi timla l-formola b’mod elettroniku
Minn hemmhekk ʼil quddiem tkellem magħna jekk ikollok xi problema fuq il-post tax-xogħol u aħna nagħmlu minn kollox biex nipproteġuk u nagħtuk l-għajnuna kollha li jkollok bżonn.
Għaliex għandek tkun membru?
Fl-għaqda hemm is-saħħa. Individwu waħdu ftit jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Imma s-saħħa ta’ ħafna individwi flimkien tagħmel id-differenza. Matul iż-żminijiet il-GWU f’kull post ta’ xogħol ġabet titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Iddefendejna eluf ta’ membri minn abbużi u sfruttar, ġibna investiment barrani u ħloqna diversi impjiegi u ġibna miljuni f’żidiet. Il-GWU temmen illi l-ħaddiema għandhom jiffokaw l-enerġija tagħhom fuq ix-xogħol. L-ebda individwu ma għandu jħossu fil-periklu jew mhux stmat kif suppost. Issieħeb membru llum u aħna nkunu miegħek f’kull sitwazzjoni illi tiltaqa’ magħha.
X’tip ta’ servizzi noffru?
- Negozjar kollettiv fuq paga u kundizzjonijiet
- Involviment dirett fil-bidliet li jseħħu fil-postijiet tax-xogħol.
- Parteċipazzjoni sħiħa fit-tfassil tal-politika tal-unjin
- Pariri u servizzi legali
- Rappreżentazzjoni personali u kollettiv
- Saħħa u sigurtà
- Ugwaljanza
- Stabbilità fuq il-post tax-xogħol
- Taħriġ kontinwu
- Valur għall-menswalità tiegħek
- Inizjattivi ta’ taħriġ għall-membri – noffru aktar minn 60 kors akkreditati minn żewġ istituzzjonijiet