
Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid ma’ DHL Malta li se jibbenefika aktar minn 80 impjegat.
Il-ftehim ikopri l-ħaddiema fil-gradi ta’ Customer Service, Couriers, Team Leaders/Operations, Fix Exception Desk u Imports Department, mill-gradi M sa O, u se jkun validu għal tliet snin, mill-1 ta’ Awwissu 2026 sal-31 ta’ Lulju 2029.
Dan il-Ftehim Kollettiv jintroduċi numru ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom benefiċċji soċjali ġodda, l-introduzzjoni ta’ study leave u emergency leave, kif ukoll żidiet fil-pagi li ġew innegozjati b’suċċess mal-kumpanija prinċipali ta’ DHL fil-Greċja.
Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU, Riccarda Darmanin, qalet li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jirrifletti l-valur tad-djalogu soċjali u tan-negozjati kostruttivi.
Hija rringrazzjat lill-kumitat tal-ħaddiema għad-dedikazzjoni u l-impenn kontinwu tiegħu fil-ħarsien tal-interessi tal-kollegi li jirrappreżenta. Irringrazzjat ukoll lill-maniġment ta’ DHL Malta għall-kollaborazzjoni u għall-mod matur u professjonali li bih tmexxew in-negozjati, li wasslu biex jintlaħaq ftehim ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.
Riccarda Darmanin saħqet li l-GWU u DHL Malta ilhom igawdu minn relazzjoni industrijali soda mibnija fuq rispett reċiproku u djalogu kostruttiv. Din ir-relazzjoni kienet kruċjali biex matul is-snin il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema komplew jissaħħu u jitjiebu, filwaqt li l-Union tibqa’ impenjata li tkompli taħdem sabiex tħares id-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħha.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin, ir-rappreżentant tal-ħaddiema Charlo Galea, il-maniġer Dimitris Papas u l-Administration Assistant Anthea Farrugia. Preżenti għall-iffirmar l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Cynthia Schembri.













